[go: up one dir, main page]

Garanziji u ritorni

Skont ir-regoli tal-UE, bejjiegħ irid isewwi, jibdel, jew jagħtik rimborż sħiħ jew parzjali jekk xi ħaġa li tixtri tirriżulta bil-ħsara jew ma tidhirx jew ma taħdimx kif tkunu ġiet irriklamata. Dejjem għandek id-dritt għal garanzija minima ta’ sentejn, mingħajr ħlas. Madanakollu, ir-regoli nazzjonali f'pajjiżek jistgħu jagħtuk protezzjoni speċjali.

Tista’ tirritorna kwalunkwe xiri fi żmien 14-il jum mingħajr ġustifikazzjoni (ara l-perjodu ta’ preklużjoni ta’ 14-il jum). Wara 14-il jum, normalment int se tkun tista’ titlob għal rimborż parzjali jew sħiħ biss jekk ma jkunx possibbli jew konvenjenti biex jissewwew jew jinbidlu l-oġġetti. Jekk jogħġbok innota li jista’ jkun li ma tkunx intitolat għar-rimborż jekk il-problema tkun żgħira, (bħal xi girfa fuq il-kaxxa ta’ CD).

Protezzjoni addizzjonali

Il-ħwienet jew il-manifatturi jistgħu joffrulek garanzija kummerċjali addizzjonali (magħrufa wkoll bħala “warranty”). Din tista' tagħtik protezzjoni aħjar iżda qatt ma tista' tieħu l-post jew tnaqqas il-garanzija minima ta' sentejn. Jenħtieġ li l-kundizzjonijiet jiġu stabbiliti b’mod ċar fil-garanzija kummerċjali, u jekk ikunu inqas vantaġġużi mill-kundizzjonijiet li ġew reklamati mill-bejjiegħ, japplikaw dawk l-aktar vantaġġużi.

Jekk tixtri prodott jew servizz online, għandek id-dritt li tirritornah fi żmien 14-il jum mill-konsenja mingħajr ma tipprovdi ebda ġustifikazzjoni. Għal kuntratti ta’ servizzi, il-perjodu ta' cooling off jiskadi 14-il jum wara l-jum li kien maqbul il-kuntratt Jekk il-perjodu ta’ cooling off jiskadi f'ġurnata li ma tkunx tax-xogħol, id-data ta' għeluq tiġi estiża sal-ġurnata tax-xogħol li jkun imiss. Dan jissejjaħ id-dritt ta’ rtirar.

Eċċezzjonijiet

Jekk jogħġbok ħu nota: Il-perjodu ta' cooling off ta' 14-il jum ma japplikax għal

  • biljetti tal-ajru u tal-ferrovija, kif ukoll biljetti tal-kunċerti, bookings ta' akkomodazzjoni, riżervazzjonijiet ta' kiri tal-karozzi u servizzi ta' forniment tal-ikel għal dati speċifiċi
  • oġġetti u xorb li jitwasslulek b'konsenja regolari – pereżempju, konsenja ta' ħalib.
  • oġġetti magħmulin apposta jew personalizzati b'mod ċar – bħal libsa magħmula minn ħajjat
  • awdjo, video jew kompjuter software ssiġillat, bħal DVDs, li tkun neħħejtilhom is-siġill
  • kontenut diġitali online, jekk tkun diġà bdejt tiddawnlowdjah jew tagħmel streaming u qbilt li titlef id-dritt ta’ rtirar tiegħek billi tibda tużah
  • oġġetti li tkun xtrajt mingħand individwu privat u mhux mingħand kumpanija/negozjant
  • kuntratti ta' tiswijiet u manutenzjoni urġenti – jekk iċċempel lil plumber biex isewwilek shower li qed jillikja, ma tistax tikkanċella x-xogħol jekk tkun qbilt fuq il-prezz tas-servizz.

Kif l-oġġetti tiegħek jistgħu jissewwew, jinbidlu jew tingħata rimborż għalihom

Il-perjodu ta’ sentejn garanzija legali jibda malli tirċievi l-oġġetti tiegħek. Jekk difett isir evidenti fi żmien sena mill-konsenja, ma għandekx għalfejn turi li kien jeżisti fil-ħin tal-konsenja. Huwa preżunt li dan ma għamilx hekk sakemm il-bejjiegħ ma jkunx jista’ jipprova mod ieħor. Tista’ titlob lill-bejjiegħ isewwi jew jibdel il-prodott, jagħtik tnaqqis fil-prezz, jew jagħtik flusek lura jekk it-tiswija jew is-sostituzzjoni ma tkunx possibbli.

F’xi pajjiżi tal-UE, dan il-perjodu jista’ jkun ta’ sentejn.

Storja bħala eżempju

Carla xtrat hairdryer b'garanzija kummerċjali ta' sitt xhur. Meta kellha l-ħsara wara tmin xhur, ħaditha lura l-ħanut. Tal-ħanut qalilha li l-garanzija tagħha kienet skadiet, u li ma kinitx eleġibbli għal flusha lura. Carla qalet li kellha sentejn garanzija legali bla ħlas skont il-liġi tal-protezzjoni tal-konsumatur tal-UE, u li l-garanzija ta' sitt xhur tal-bejjiegħ sempliċiment tatha servizzi addizzjonali. Il-ħanut qabel li jibdel il-hairdryer.

Storja bħala eżempju

Sabine, li tgħix il-Belġju, xtrat smartphone minn ħanut online fil-Ġermanja. Hi ddawnlowdjat step-count app iżda ma ħadmitx tajjeb, għalhekk talbet lill-bejjiegħ biex jirranġaha. Il-ħanut ma kienx responsabbli minħabba li l-kuntratt tal-bejgħ kien japplika għall-ismartphone biss. Il-bejjiegħ ta parir lil Sabine biex tikkuntattja lill-bejjiegħ tal-app.

Storja bħala eżempju

Johan xtara smart TV iżda xahrejn wara, waħda mill-apps installati minn qabel ma baqgħetx miftuħa. Huwa kkuntattja lill-bejjiegħ, li kien obbligat jipprovdilu l-aġġornament tas-software meħtieġ.

Oġġetti second-hand

Oġġetti użati li tixtri mingħand il-bejjiegħ huma wkoll koperti mill-garanzija legali minima ta’ sentejn. F’ċerti pajjiżi tal-UE, tista’ tiftiehem mal-bejjiegħ dwar perjodu ta’ garanzija ta’ anqas minn sentejn. Madankollu, m’għandux ikun iqsar minn sena. Dan għandu jintqal b'mod ċar meta jsir ix-xiri. L-oġġetti mixtrija mingħand individwi privati mhumiex koperti.

Prodotti li jeħtieġu s-software biex jiffunzjonaw

Japplikaw regoli speċjali meta tixtri kontenut diġitali bħal videos, mużika, u apps tas-software, bħal

  • logħba tal-video li tiddawnlowdja darba
  • links ta’ kull ġimgħa għal sit web tal-aħbarijiet li għalih tħallas tariffa ta’ abbonament
  • provvista kontinwa ta’ ħżin fil-cloud.

Dawn ir-regoli japplikaw ukoll meta tipprovdi d-data personali tiegħek bi skambju għall-kontenut jew is-servizz. Dan jinkludi ritratti u posts tal-media soċjali li ġew ipproċessati bil-kunsens tiegħek.

Dejjem għandek id-dritt għal minimu ta’ sentejn garanzija jekk il-kontenut jew is-servizz diġitali jinzerta difettuż, jew mhux kif irreklamat jew ma jaħdimx kif mistenni. Jekk il-fornitur ma jkunx jista’ jiffissa l-kontenut jew is-servizz fi żmien raġonevoli, mingħajr ħlas u mingħajr inkonvenjent għalik, tista’ titlob tnaqqis fil-prezz. F’xi każijiet, tista’ tittermina l-kuntratt.

Provvista kontinwa

Fil-każ ta’ provvista kontinwa, bħas-servizzi ta’ ħżin fil-cloud, il-fornitur huwa responsabbli għal kwalunkwe difett li jibda jidher matul iż-żmien li l-kontenut jew is-servizz diġitali għandu jiġi pprovdut (kif stabbilit fil-kuntratt).

Il-fornitur għandu jagħtik struzzjonijiet ċari dwar kif tinstalla l-kontenut jew is-servizz diġitali, u r-rekwiżiti tekniċi li huma meħtieġa biex toperah. Hu għandu jipprovdilek ukoll kwalunkwe aġġornament li jeħtieġ biex iżommuh ċibersigur. Għal provvisti kontinwi, l-aġġornamenti għandhom ikopru l-perjodu kollu kif stabbilit fil-kuntratt.

Id-data tiegħek bi skambju għal kontenut jew servizz

Jekk inti tajt lill-bejjiegħ id-data personali tiegħek bi skambju għal kontenut diġitali jew servizz iżda mhux qed jaħdem kif reklamat, għandek id-dritt li tittermina l-kuntratt, anki jekk id-difett ikun żgħir. Il-fornitur għandu jieqaf juża d-data tiegħek ladarba l-kuntratt jiġi tterminat, u jagħtik l-għażla li tieħu lura kwalunkwe kontenut li ħloqt (pereżempju, jekk pjattaforma tal-media soċjali bħal Facebook tippermettilek li jkollok kont bi skambju għad-data personali u r-ritratti, il-videos u l-posts tiegħek, huma għandhom jieqfu jużawhom hekk kif itterminajt il-kuntratt).

Storja bħala eżempju

Adam ħallas biex jiddawnlowdja film fuq l-ismart TV tiegħu. Madankollu, il-kwalità tal-ħoss kienet fqira, minkejja li kien żgura li t-TV tiegħu jissodisfa r-rekwiżiti tekniċi. Huwa kkuntattja lill-fornitur, li infurmah li din il-kwistjoni tal-kwalità ma tistax tissewwa. Peress li l-film kien diġà ddawnlowdjat, Adam ma kienx intitolat għal rifużjoni.

Storja bħala eżempju

Alex iddawnlowdja applikazzjoni ta’ streaming ta’ mużika fuq it-tablet tiegħu. Sitt xhur wara, huwa rċieva email li tiddikjara li se jkun meħtieġ aġġornament biex jiġi akkomodat l-għadd dejjem jikber ta’ utenti. Il-klijenti eżistenti setgħu jiksbu t-titjib bla ħlas skont it-termini tal-kuntratt, għalkemm ma kien hemm l-ebda obbligu li jasir dan.
Madankollu, wara t-titjib, il-veloċità tal-istreaming naqset b’mod sinifikanti. Alex iddeċieda li jtemm il-kuntratt u jieħu flusu lura. Dan huwa possibbli sa 30 jum wara l-aġġornament.

Tiswijiet u rifużjonijiet ta’ kontenut u servizzi diġitali

Jekk il-kontenut diġitali jew is-servizz diġitali juri difetti fi żmien sentejn mill-bejgħ, il-fornitur għandu jipprovdi soluzzjoni. Għal kwalunkwe difett f’xiri ta’ darba li jibda jidher fi żmien sena, huwa preżunt li kien jeżisti f’dak iż-żmien tal-bejgħ, sakemm il-fornitur ma jkunx jista’ jipprova mod ieħor. Madankollu, tista’ tippreżenta talba għal perjodu ta’ mill-inqas sentejn.

Għall-kontenut diġitali jew għas-servizzi pprovduti fuq bażi kontinwa, id-difett huwa preżunt li kien jeżisti matul dak il-perjodu.

Fejn tista’ tikseb l-għajnuna

Iċ-Ċentru Ewropew tal-Konsumatur f'pajjiżek jista' jgħinek jekk għandek problema bl-oġġetti diffettużi, il-kontenut diġitali diffetuż jew is-servizz diġitali diffetuż li xtrajt fi kwalunkwe pajjiż tal-UE. Għal informazzjoni aktar dettaljata dwar drittijietek skont il-liġi nazzjonali, iċċekkja r-regoli speċifiċi dwar il-garanziji legali u l-warranties kummerċjali għall-pajjiż fejn wettaqt ix-xiri.

Jekk m’intx ċert liema sitwazzjoni tapplika għalik, tista’ tipprova wkoll l-għodda tagħna tad-drittijiet tal-konsumatur biex tgħinek tifhem id-drittijiet tiegħek meta tixtri fl-UE.

Mistoqsijiet frekwenti

Leġiżlazzjoni tal-UE

Teħtieġ l-għajnuna mis-servizzi ta’ assistenza?

Ikkuntattja s-servizzi ta' assistenza speċjalizzata

L-aħħar verifika: 20/03/2024
Ikkondividi din il-paġna