[go: up one dir, main page]

Responsabbiltajiet tal-iskart WEEE

Jekk inti timmanifattura, tqassam jew tbigħ tagħmir elettriku u elettroniku bħal kompjuters, friġġis, telefowns ċellulari, il-liġijiet nazzjonali u tal-UE jeħtieġu li int tikkontribwixxi biex tiżgura li dan jintrema u jiġi ttrattat kif suppost. Dan ifisser:

  • ir-reġistrazzjoni mal-awtoritajiet nazzjonali responsabbli ("reġistri") f'kull pajjiż fejn tqassam jew tbigħ it-tagħmir
  • il-preżentazzjoni ta' rapport regolari dwar l-ammont ta' tagħmir elettriku u elettroniku mibjugħ,
  • l-organizzazzjoni jew il-finanzjament tal-ġbir, it-trattament, ir-riċiklaġġ u l-irkupru tal-prodotti tiegħek
  • bħala distributur, li tipprovdi servizz ta' teħid lura, fejn il-klijenti tiegħek jistgħu jirritornaw mingħajr ħlas l-iskart elettriku u elettroniku
  • bħala manifattur, li tkun konformi mad- Direttiva dwar ir-restrizzjoni ta' sustanzi perikolużi en

L-iskart iġġenerat minn dawn il-prodotti jissejjaħ WEEE: Skart ta' Tagħmir Elettriku u Elettroniku. Tista' ssib lista indikattiva tat-tagħmir li jaqa' taħt il-liġijiet relatati fid- direttiva dwar il-WEEE .

Irreġistra mal-awtoritajiet nazzjonali tal-WEEE

Trid tirreġistra l-kumpanija tiegħek mal-awtoritajiet responsabbli għall-ġestjoni tal-WEEE f' kull pajjiż tal-UE fejn int tbigħ il-prodotti tiegħek. Tista' ssib id-dettalji ta' kuntatt tar-reġistri nazzjonali fin- Network Ewropew ta' Reġistri WEEE en .

Issottometti rapport

Hekk kif tibda tbigħ prodotti bit-tikketta WEEE fis-suq tal-UE, inti trid tissottometti lill-awtoritajiet nazzjonali rapport regolari bid-dettalji tat-tipi ta' tagħmir li int immanifatturajt, qassamt jew bigħt, u f'liema ammonti.

Tista' tikseb il-formati għar-reġistrazzjoni u r-rappurtar mir-reġistri nazzjonali.

Immaniġġja l-iskart EEE tiegħek

Trid tikkontribwixxi biex it-tagħmir li inti timmanifattura, twassam jew tbigħ jintrema b'mod xieraq ladarba l-konsumatur jarmih. Inti tista' tagħżel li tissieħeb ma' skema ta' konformità kollettiva mal-WEEE, jew li tistabbilixxi l-iskema tiegħek stess.

Ingħaqad ma' skema ta' konformità eżistenti jew stabbilixxi waħda individwali

Skemi ta' konformità kollettivi

Jeżistu skemi ta' konformità kollettivi fil-biċċa l-kbira tal-pajjiżi tal-UE, imwaqqfa mis-settur privat jew mill-gvern. L-iskemi jippermettu lill-manifatturi, lid-distributuri u lill-bejjiegħa li jissodisfaw l-obbligi tagħhom fuq il-ġestjoni tal-iskart b'mod konġunt. Dawn jaħdmu fuq bażi ta' sħubija mħallsa.

Minbarra l-finanzjament u l-organizzazzjoni tal-ġbir, it-trattament, l-irkupru u r-riċiklaġġ tal-WEEE għall-membri tagħhom, is-servizzi tal-iskemi jistgħu jinkludu:

  • iż-żamma ta' rekords dwar il-prodotti kollha mmanifatturati, mqassma jew mibjugħa mill-membri
  • il-preżentazzjoni ta' rapporti lill-awtoritajiet nazzjonali
  • iż-żieda fl-għarfien tal-konsumatur dwar l-importanza li l-EEE jintrema kif suppost

Skemi ta' konformità individwali

Skont it-tip u l-ammont ta' prodotti li tipproduċi jew tqassam, tista' tkun kapaċi tistabbilixxi l-iskema ta' konformità tiegħek stess. Dan jista' jkun il-każ jekk inti tbigħ apparat speċifiku mmanifatturat f'serje limitata għal industrija speċifika, bħal apparati mediċi użati fl-isptarijiet. Żomm f'moħħok li r-regoli dwar skemi bħal dawn jistgħu jvarjaw skont il-pajjiż.

Għal informazzjoni dwar skemi ta' konformità kollettivi jew individwali f'pajjiż partikolari tal-UE, iċċekkja r-reġistri nazzjonali li hemm link għalihom min- Network Ewropew ta' Reġistri WEEE .

Ara wkoll

Leġiżlazzjoni tal-UE

Teħtieġ l-għajnuna mis-servizzi ta’ assistenza?

Ikkuntattja s-servizzi ta' assistenza speċjalizzata

Għandek xi mistoqsijiet dwar kif topera negozju transfruntier, pereżempju l-esportazzjoni jew l-espansjoni lejn pajjiż ieħor tal-UE? Jekk hu l-każ, Enterprise Europe Network jista’ jagħtik pariri b’xejn.

Tista’ tuża wkoll l-faċilità għas-sejbien tas-servizzi tal-assistenza biex issib l-għajnuna t-tajba għalik.

L-aħħar verifika: 07/03/2024
Ikkondividi din il-paġna