[go: up one dir, main page]

Kontijiet bankarji fl-UE

Dritt għal kont bankarju

Forsi tixtieq tiftaħ jew teħtieġ tiftaħ kont bankarju f'pajjiżek jew f'pajjiż ieħor tal-UE.

Jekk int legalment residenti f'pajjiż tal-UE int intitolat li tiftaħ "kont ta' pagament bażiku". Il-banek ma jistgħux jirrifjutaw l-applikazzjoni tiegħek għal kont ta' pagament bażiku sempliċement għax int ma tgħixx fil-pajjiż li fih hu stabbilit il-bank.

Twissija

Id-dritt ma japplikax għal tipi oħrajn ta' kont bankarju, bħall-kontijiet tas-savings.

Meta tista' tkun rifjutat kont ta' pagament bażiku mill-banek

Tista' tkun rifjutat kont jekk int ma tikkonformax mar-regoli tal-UE dwar il-ħasil tal-flus u l-finanzjament tat-terroriżmu Iftaħ bħala link estern .

F'xi pajjiżi tal-UE, tista' tkun rifjutat kont bankarju bażiku jekk int diġà għandek kont simili ma' bank ieħor fl-istess pajjiż.

Jekk qed tapplika għal kont ta' pagament bażiku barra l-pajjiż li tgħix fih, il-banek f'xi pajjiżi tal-UE jistgħu wkoll jitolbuk tipprova l-interess ġenwin tiegħek għaliex tixtieq tagħmel dan – pereżempju jekk tgħix f'pajjiż iżda taħdem f'ieħor.

Karatteristiċi ta' kont bażiku

"Kont ta' pagament bażiku" hu kont li jkopri t-tranżazzjonijiet standard li int tuża fil-ħajja ta' kuljum bħal:

  • depożiti
  • ġbid ta' flus
  • tirċievi u twettaq pagamenti (pereżempju debiti diretti jew xiri bil-kards)

Jeħtieġlu wkoll jinkludi kard ta' pagament li tista' tuża biex tiġbed flus kontanti u tagħmel ix-xiri - kemm online kif ukoll fil-ħwienet.

Fejn disponibbli, il-bank jeħtieġlu jinkludi l-aċċess għall-ibbankjar online bil-kont tiegħek. Madankollu, huma mhux dejjem għandhom jinkludu faċilità ta' overdraft jew ta' kreditu.

F'xi pajjiżi tal-UE, il-bank tiegħek xorta jista' jitolbok tariffa annwali għal dan il-kont ta' pagament bażiku. Din it-tariffa għandha tkun raġonevoli.

Storja bħala eżempju

Ma għandekx bżonn tgħix f'pajjiż tal-UE biex ikollok kont hemm

Sándor qabad jaħdem għal kumpanija bbażata fis-Slovenja filwaqt li kompla jgħix fl-Ungerija. Huwa ddeċieda li jiftaħ kont bankarju fis-Slovenja biex jużah għall-ispejjeż ta' kuljum, minbarra l-kont bankarju Ungeriż.

Hu sab bank Sloven ħdejn l-impjieg tiegħu u talab biex jinfetaħlu kont bankarju bażiku. Il-bank ħallih jiftaħ kont minkejja li ma kienx qed jgħix fis-Slovenja.

Il-banek ma jistgħux sempliċement jirrifjutawlek kont bażiku għax int ma tgħixx fil-pajjiż.

Informazzjoni dwar it-tariffi

Qabel ma tiftaħ il-kont tiegħek, il-bank għandu jagħtik dokument li juri s-servizzi l-aktar importanti offruti fuq il-kont u kwalunkwe tariffa relatata li hemm mnejn ikollok tħallas. Dan huwa magħruf bħala "dokument ta' informazzjoni dwar it-tariffi". Tista' tużah biex tqabbel l-ispiża ta' kontijiet f'banek differenti.

Ta' mill-anqas darba fis-sena, il-bank tiegħek għandu jagħtik ukoll dikjarazzjoni li tispjega t-tariffi mġarrba fil-kont bankarju tiegħek. Dan id-dokument dwar id-"dikjarazzjoni tat-tariffi" għandu jagħti wkoll informazzjoni dwar ir-rati tal-imgħax applikati għall-kont tiegħek.

Meta taqleb kontijiet bankarji

Tista' taqleb il-kont bankarju tiegħek għal kont bankarju ieħor fl-istess pajjiż tal-UE. Il-bank il-ġdid tiegħek jeħtieġlu jgħinek b'dan.

Jekk tixtieq taqleb għal kont ġdid fl-istess pajjiż, għid lill-bank il-ġdid tiegħek li tixtieq taqleb u tittrasferixxi l-pagamenti rikorrenti tiegħek għall-kont il-ġdid.

Imbagħad il-bank il-ġdid jiżgura li l-bank il-qadim tiegħek jittrasferixxi d-data u jikkanċella kwalunkwe standing order. Il-bank il-ġdid għandu wkoll:

  • jinforma lill-partijiet terzi – bħal min iħaddmek, il-provvedituri tas-sigurtà soċjali u l-provvedituri tal-utilitajiet – li int qed tibdel il-kont tiegħek
  • jistabbilixxi l-istanding orders il-ġodda tiegħek
  • jaċċetta debiti diretti rilevanti fil-kont il-ġdid

Għandu mnejn tintalab tariffa jekk tiddeċiedi li tagħlaq il-kont il-qadim tiegħek.

Jekk int ikollok tħallas spejjeż waqt il-proċedura tal-qlib għax il-bank jimmissja limitu ta' żmien (biex tikkanċella pagament pereżempju) jew jagħmel xi żball, huma għandhom jirrimburżaw dawn l-ispejjeż. Jekk għandek kwalunkwe diffikultà, tista' tieħu l-kwistjoni quddiem l- iskema tas-soluzzjoni għat-tilwim barra l-qorti.

Storja bħala eżempju

Il-qlib ta' kontijiet bankarji mhux dejjem jimxi ħarir

Meta Suzanne ġarret minn Toulouse għal Pariġi, iddeċidiet li tmexxi l-kont bankarju tagħha għall-bank lokali tagħha f'Pariġi. Hi talbet lill-bank il-ġdid tagħha f'Pariġi biex jittrasferixxi l-pagamenti kollha tagħha għall-kont il-ġdid u biex jagħlaq il-kont il-qadim tagħha f'Toulouse.

Il-bank f'Pariġi qal lill-bank f'Toulouse biex jikkanċella l-istanding orders kollha tagħha u biex jagħlaq il-kont ta' Suzanne. Imbagħad huma stabbilixxaw standing orders mill-kont il-ġdid tagħha. Madankollu, huma nsew javżaw lill-provveditur tas-servizz tal-mowbajl tagħha, u Suzanne ġiet immultata meta l-istanding order għall-kuntratt tal-mowbajl tagħha ma saritx fil-ħin.

Suzanne lmentat mal-bank f'Pariġi. Huma qablu li jirrimburżawlha l-ispiża tal-multa u li jikkoreġu l-pagament tal-istanding order għall-kuntratt tal-mowbajl.

Flusek protetti fl-UE

Ir-regoli tal-UE jiżguraw li l-flus fil-kont tal-bank tiegħek (kontijiet ta' tfaddil u/jew kurrenti) huma protetti jekk il-bank li jkollu l-kont tiegħek ifalli. Flusek huma protetti sa limitu ta' EUR 100 000 jew l-ekwivalenti f'munita lokali. Dan il-limitu japplika għal kull persuna għal kull bank, jiġifieri jekk għandek diversi kontijiet fl-istess bank, il-limitu ta' EUR 100 000 japplika għall-kontijiet aggregati tiegħek.

Hemm xi eċċezzjonijiet għal din ir-regola. Jekk għandek kont konġunt mal-partner tiegħek, pereżempju, il-limitu ta' EUR 100 000 japplika għal kull wieħed minnkom, jiġifieri sa massimu ta' EUR 200 000 għal kont konġunt tagħkom. Barra minn hekk, flusek se jkunu wkoll protetti 'l fuq minn EUR 100 000 f'ċerti każijiet oħra għal żmien limitat, bħal:

  • flus li tirċievi minn bejgħ ta' proprjetà residenzjali privata
  • flus li tirċievi marbutin ma' avveniment partikulari f'ħajtek bħal żwieġ, divorzju, irtirar, tkeċċija, senjsar, invalidità jew mewt ta' membru tal-familja
  • flus li tirċievi mill-pagament ta' benefiċċji ta' assigurazzjoni jew kumpens għal korrimenti kriminali jew kundanna inġusta

F'dawn il-każijiet, l-ammonti huma protetti 'l fuq minn EUR 100 000 tal-anqas għal tliet xhur u mhux aktar minn 12-il xahar wara li l-flus ikunu ġew ikkreditati, jew mill-mument meta l-flus saru legalment trasferibbli, skont il-kundizzjonijiet u l-limiti stabbiliti minn kull pajjiż tal-UE.

Leġiżlazzjoni tal-UE

Teħtieġ l-għajnuna mis-servizzi ta’ assistenza?

Ikkuntattja s-servizzi ta' assistenza speċjalizzata

L-aħħar verifika: 22/04/2022
Ikkondividi din il-paġna