[go: up one dir, main page]

Ħaddiema - drittijiet ta' residenza

Għandek dritt tgħix f'kull pajjiż tal-UE fejn int impjegat, taħdem għal rasek jew inti ħaddiem stazzjonat.

Jekk tingħata s-sensja

Jekk tingħata s-sensja meta tkun qed tgħix f'pajjiż ieħor, xorta tista' tibqa' hemm jekk int:

  • ma tistax taħdem temporanjament minħabba mard jew aċċident
  • irreġistrat mal-awtorità rilevanti bħala persuna bla xogħol b'mod mhux volontarju. Jekk tkun ħdimt għal inqas minn sena qabel dan, iżżomm id-dritt għal trattament ugwali bħaċ-ċittadini għal perjodu limitat ta' mill-inqas 6 xhur.
  • wara taħriġ vokazzjonali. Jekk tkun bla xogħol iżda mhux b'mod mhux volontarju, it-taħriġ għandu jkun relatat mal-impjieg li kellek qabel

Kif tirrapporta l-preżenza tiegħek u tirreġistra r-residenza tiegħek

Ċerti pajjiżi tal-UE jitolbu minnek li tirrapporta l-preżenza tiegħek lill-awtoritajiet rilevanti fi żmien raġonevoli wara li tasal. Huma jistgħu jimponu penali, bħal multa, jekk ma tagħmilx dan.

Bħala persuna impjegata fil-pajjiż li qed jospitak, għandek tirreġistra r-residenza tiegħek mal-awtorità rilevanti (ta' spiss l-uffiċċju muniċipali jew l-istazzjon tal-pulizija lokali) wara l-ewwel 3 xhur. Meta tirreġistra, għandek tingħata ċertifikat ta' reġistrazzjoni. Dan iċ-ċertifikat jikkonferma d-dritt tiegħek li tgħix fil-pajjiż ospitanti tiegħek.

Ikollok bżonn:

  • karta tal-identità valida jew passaport validu
  • ċertifikat ta' impjieg jew konferma ta' reklutaġġ minn min iħaddmek
  • (jekk taħdem għal rasek) prova tal-istatus tiegħek bħala ħaddiem għal rasu

M'għandekx għalfejn tipprovdi dokumenti oħra.

Residenza permanenti

Jekk tkun għext b'mod legali, u ssodisfajt il-kundizzjonijiet biex toqgħod f' pajjiż ieħor tal-UE għal perjodu kontinwu ta' 5 snin awtomatikament takkwista d-dritt ta' residenza permanenti hemmhekk. Dan ifisser li tista' ddum tgħix fil-pajjiż kemm trid.

Il-kontinwità ta' residenza tiegħek mhix affettwata minn:

  • assenzi temporanja (inqas minn 6 xhur fis-sena)
  • assenzi itwal għal servizz militari obbligatorju
  • assenza waħda ta' 12-il xahar konsekuttivi, għal raġunijiet importanti bħal tqala jew twelid ta' tarbija, mard serju, xogħol, taħriġ vokazzjonali jew stazzjonar ta' xogħol f'pajjiż ieħor

Tista' titlef id-dritt tiegħek għal residenza permanenti jekk tgħix barra l-pajjiż għal aktar minn sentejn konsekuttivi.

Residenza permanenti qabel 5 snin

Għandek imnejn tikkwalifika għal residenza permanenti f'inqas minn 5 snin f'dawn is-sitwazzjonijiet:

  • jekk tirtira u tkun ħdimt fil-pajjiż għal tal-anqas sena jew tkun għext hemm kontinwament għal 3 snin.
  • jekk tieqaf taħdem minħabba li ma tkunx kapaċi tkompli taħdem u tkun għext fil-pajjiż kontinwament għal sentejn
  • jekk tieqaf taħdem minħabba li ma tkunx kapaċi tkompli taħdem minħabba aċċident fuq il-post tax-xogħol jew mard konness max-xogħol. F'dan il-każ għandek dritt tibqa' tgħix hemm ikun xi jkun it-tul ta' żmien li tkun għext fil-pajjiż qabel l-aċċident jew il-marda
  • jekk taqbad taħdem f'pajjiż ieħor tal-UE bħala ħaddiem fil-fruntiera - trid tmur lura fil-pajjiż ta' residenza għall-inqas darba fil-ġimgħa - iżda qabel ħdimt fil-pajjiż fejn tixtieq tikseb ir-residenza permanenti għal 3 snin kontinwi.

Twissija

Informazzjoni dwar drittijiet ta’ residenza għal ċittadini mhux tal-UE mingħajr qraba tal-UE en es fr pt .

Tista' tiġi deportat jew mitlub biex titlaq?

Tista' tgħix fil-pajjiż l-ieħor tal-UE sakemm tkompli tissodisfa l-kundizzjonijiet għal residenza. Jekk ma tibqax tissodisfa dawn ir-rekwiżiti, l-awtoritajiet nazzjonali jistgħu jobbligawk titlaq.

F'każijiet eċċezzjonali, il-pajjiż li jospitak jista' jiddeportak għal raġunijiet ta' politika pubblika jew sigurtà pubblika - iżda biss jekk jista' juri li int ta' theddida serja.

Id-deċiżjoni ta' deportazzjoni jew it-talba biex titlaq għandha tingħatalek bil-miktub. Għandha tiddikjara r-raġunijiet kollha għad-deportazzjoni tiegħek u tispeċifika kif int tista' tappella u sa meta.

Mistoqsijiet frekwenti

Leġiżlazzjoni tal-UE

Teħtieġ l-għajnuna mis-servizzi ta’ assistenza?

Ikkuntattja s-servizzi ta' assistenza speċjalizzata

L-aħħar verifika: 04/08/2023
Ikkondividi din il-paġna