[go: up one dir, main page]

EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32024R0371

Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) 2024/371 tat-23 ta’ Jannar 2024 li jissupplimenta d-Direttiva (UE) 2020/2184 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill billi jistabbilixxi speċifikazzjonijiet armonizzati għall-immarkar ta’ prodotti li jiġu f’kuntatt mal-ilma maħsub għall-konsum mill-bniedem

C/2024/242

ĠU L, 2024/371, 23.4.2024, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg_del/2024/371/oj (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, GA, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

Legal status of the document In force

ELI: http://data.europa.eu/eli/reg_del/2024/371/oj

European flag

Il-Ġurnal Uffiċjali
ta'l-Unjoni Ewropea

MT

Is-serje L


2024/371

23.4.2024

REGOLAMENT DELEGAT TAL-KUMMISSJONI (UE) 2024/371

tat-23 ta’ Jannar 2024

li jissupplimenta d-Direttiva (UE) 2020/2184 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill billi jistabbilixxi speċifikazzjonijiet armonizzati għall-immarkar ta’ prodotti li jiġu f’kuntatt mal-ilma maħsub għall-konsum mill-bniedem

(Test b’rilevanza għaż-ŻEE)

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidrat id-Direttiva (UE) 2020/2184 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-16 ta’ Diċembru 2020 dwar il-kwalità tal-ilma maħsub għall-konsum mill-bniedem (1), u b’mod partikolari l-Artikolu 11(11) tagħha,

Billi:

(1)

L-Artikolu 11 tad-Direttiva (UE) 2020/2184 jirrikjedi li l-Istati Membri jiżguraw li ċerti materjali li jiġu f’kuntatt mal-ilma maħsub għall-konsum mill-bniedem ma jikkompromettux direttament jew indirettament il-protezzjoni tas-saħħa tal-bniedem, ma jaffettwawx b’mod negattiv il-kulur, ir-riħa jew it-togħma tal-ilma, ma jtejbux it-tkabbir mikrobjali, u ma jnixxux kontaminanti fl-ilma f’livelli li huma ogħla milli meħtieġ fid-dawl tal-għan maħsub tal-materjal.

(2)

F’konformità mal-Artikolu 11(11) tad-Direttiva (UE) 2020/2184, il-Kummissjoni għandha tadotta atti delegati biex tistabbilixxi speċifikazzjonijiet armonizzati għal immarkar li jidher sew, li jista’ jinqara b’mod ċar u li ma jitħassarx li għandu jintuża biex jindika li prodott li jiġi f’kuntatt mal-ilma maħsub għall-konsum mill-bniedem huwa konformi mal-Artikolu 11 ta’ dik id-Direttiva. Prodott li għalih tkun inħarġet dikjarazzjoni ta’ konformità tal-UE f’konformità mar-Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) 2024/370 (2) għandu jkun akkumpanjat mill-immarkar stabbilit f’dan ir-Regolament.

(3)

L-ispeċifikazzjonijiet armonizzati għall-pożizzjoni u d-disinn tal-immarkar japplikaw għall-prodotti li huma maħsuba biex jintużaw f’installazzjonijiet ġodda jew, fil-każ ta’ xogħlijiet ta’ tiswija jew rikostruzzjoni, f’installazzjonijiet eżistenti għall-estrazzjoni, it-trattament, il-ħżin jew id-distribuzzjoni tal-ilma maħsub għall-konsum mill-bniedem u li huma maħsuba biex jiġu f’kuntatt ma’ tali ilma.

(4)

Sabiex ikun viżibbli biżżejjed u identifikat b’mod ċar, jenħtieġ li jiġi stabbilit daqs minimu għall-immarkar, u l-immarkar jenħtieġ li jkun jikkonsisti minn simbolu u test ta’ informazzjoni.

ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

1.   L-immarkar imsemmi fl-Artikolu 11(11) tad-Direttiva (UE) 2020/2184 (l-“immarkar”) għandu jinkludi s-simbolu riprodott fl-Anness. Is-simbolu għandu jkollu għoli ta’ mill-inqas 5 mm.

Meta s-simbolu tad-daqs minimu ma jkunx jista’ jitwaħħal fuq il-prodott, dan għandu jitwaħħal mal-imballaġġ u mad-dokumentazzjoni.

Is-simbolu għandu jkun ta’ tip li ma jitħassarx u għandu jitwaħħal b’mod viżibbli ma’ superfiċe waħda jew aktar tal-prodott, fuq kwalunkwe dokument tekniku u amministrattiv li jakkumpanja l-prodott (id-“dokumentazzjoni”) u fuq l-imballaġġ tal-prodott.

2.   L-immarkar fuq id-dokumentazzjoni u fuq l-imballaġġ tal-prodott għandu jinkludi wkoll it-test ta’ informazzjoni li ġej:

“TAJJEB GĦALL-ILMA TAX-XORB”.

3.   It-test ta’ informazzjoni msemmi fil-paragrafu 2 għandu jkun viżibbli b’mod ċar u għandu jitqiegħed taħt is-simbolu, f’ittri kbar bit-tipa Helvetica Bold, b’daqs minimu tat-tipa ta’ 5 mm.

It-test ta’ informazzjoni li jitwaħħal mad-dokumentazzjoni għandu jinkiteb bil-lingwi uffiċjali tal-Istat Membru fejn il-prodott jiġi introdott fis-suq, sakemm dak l-Istat Membru ma jipprevedix mod ieħor.

It-test ta’ informazzjoni li jitwaħħal fuq l-imballaġġ għandu jinkiteb b’mill-inqas waħda mil-lingwi uffiċjali tal-Istat Membru fejn il-prodott jiġi introdott fis-suq.

Apparti l-lingwi meħtieġa minn dan il-paragrafu, jistgħu jintużaw lingwi addizzjonali għat-test ta’ informazzjoni, dment li tingħata l-istess informazzjoni fil-lingwi kollha użati.

Meta t-test ta’ informazzjoni jiġi tradott lejn lingwa oħra għajr il-lingwi meħtieġa msemmija f’dan il-paragrafu, it-test tradott għandu jitqiegħed taħt it-test ta’ informazzjoni f’dawk il-lingwi meħtieġa.

4.   Il-kulur u l-preżentazzjoni tal-immarkar għandhom ikunu tali mod li s-simbolu jispikka b’mod ċar.

5.   Jista’ jitwaħħal tikkettar ieħor mal-prodott, mad-dokumentazzjoni u mal-imballaġġ dment li dan ma jtellifx il-viżibbiltà, il-leġġibbiltà u t-tifsira tal-immarkar.

6.   L-elementi kollha tal-immarkar għandhom jitqiegħdu qrib it-tikkettar l-ieħor fuq il-prodott, fuq id-dokumentazzjoni u fuq l-imballaġġ.

Artikolu 2

Dħul fis-seħħ

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Għandu japplika mill-31 ta’ Diċembru 2026.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussell, it-23 ta’ Jannar 2024.

Għall-Kummissjoni

Il-President

Ursula VON DER LEYEN


(1)   ĠU L 435, 23.12.2020, p. 1.

(2)  Ir-Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) 2024/370 tat-23 ta’ Jannar 2024 li jissupplimenta d-Direttiva (UE) 2020/2184 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill billi jistabbilixxi proċeduri ta’ valutazzjoni tal-konformità għal prodotti li jiġu f’kuntatt mal-ilma maħsub għall-konsum mill-bniedem u r-regoli għall-ħatra ta’ korpi ta’ valutazzjoni tal-konformità involuti f’dawk il-proċeduri (ĠU L, 2024/370, 23.4.2024, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg_del/2024/370/oj).


ANNESS

SIMBOLU

Image 1


ELI: http://data.europa.eu/eli/reg_del/2024/371/oj

ISSN 1977-074X (electronic edition)


Top