[go: up one dir, main page]

EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32024R0370

Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) 2024/370 tat-23 ta’ Jannar 2024 li jissupplimenta d-Direttiva (UE) 2020/2184 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill billi jistabbilixxi proċeduri ta’ valutazzjoni tal-konformità għal prodotti li jiġu f’kuntatt mal-ilma maħsub għall-konsum mill-bniedem u r-regoli għall-ħatra ta’ korpi ta’ valutazzjoni tal-konformità involuti f’dawk il-proċeduri

C/2024/241

ĠU L, 2024/370, 23.4.2024, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg_del/2024/370/oj (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, GA, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

Legal status of the document In force

ELI: http://data.europa.eu/eli/reg_del/2024/370/oj

European flag

Il-Ġurnal Uffiċjali
ta'l-Unjoni Ewropea

MT

Is-serje L


2024/370

23.4.2024

REGOLAMENT DELEGAT TAL-KUMMISSJONI (UE) 2024/370

tat-23 ta’ Jannar 2024

li jissupplimenta d-Direttiva (UE) 2020/2184 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill billi jistabbilixxi proċeduri ta’ valutazzjoni tal-konformità għal prodotti li jiġu f’kuntatt mal-ilma maħsub għall-konsum mill-bniedem u r-regoli għall-ħatra ta’ korpi ta’ valutazzjoni tal-konformità involuti f’dawk il-proċeduri

(Test b’rilevanza għaż-ŻEE)

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidrat id-Direttiva (UE) 2020/2184 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-16 ta’ Diċembru 2020 dwar il-kwalità tal-ilma maħsub għall-konsum mill-bniedem (1), u b’mod partikolari l-Artikolu 11(8) tagħha,

Billi:

(1)

L-Artikolu 11 tad-Direttiva (UE) 2020/2184 jirrikjedi li l-Istati Membri jiżguraw li ċerti materjali li jiġu f’kuntatt mal-ilma maħsub għall-konsum mill-bniedem ma jikkompromettux direttament jew indirettament il-protezzjoni tas-saħħa tal-bniedem, ma jaffettwawx b’mod negattiv il-kulur, ir-riħa jew it-togħma tal-ilma, ma jżidux it-tkabbir mikrobiku, jew ma jirrilaxxawx kontaminanti fl-ilma f’livelli li huma ogħla milli meħtieġ fid-dawl tal-fini maħsub tal-materjal.

(2)

Għall-fini li tiġi żgurata l-applikazzjoni uniformi tal-Artikolu 11 tad-Direttiva (UE) 2020/2184, ġew stabbiliti rekwiżiti minimi tal-iġjene għall-materjali li jiġu f’kuntatt mal-ilma maħsub għall-konsum mill-bniedem fid-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2024/368 (2).

(3)

Skont l-Artikolu 11(8) tad-Direttiva (UE) 2020/2184, il-Kummissjoni għandha tiddetermina l-proċeduri ta’ valutazzjoni tal-konformità applikabbli għall-prodotti koperti minn dak l-Artikolu. Dawk il-proċeduri ta’ valutazzjoni tal-konformità għandhom jintużaw biex jintwera li dawk il-prodotti jissodisfaw ir-rekwiżiti stabbiliti fid-Direttiva (UE) 2020/2184, biex b’hekk jiġi żgurat li l-prodotti li jużaw il-materjali finali approvati f’konformità mad-Direttiva (UE) 2020/2184 biss jiġu introdotti fis-suq, kif meħtieġ mill-Artikolu 11(7) ta’ dik id-Direttiva.

(4)

Sabiex jiġi żgurat li l-informazzjoni dwar il-konformità tal-prodotti mar-rekwiżiti minimi tal-iġjene stabbiliti skont l-Artikolu 11 tad-Direttiva (UE) 2020/2184 tiġi pprovduta b’mod uniformi għall-prodotti kollha, dik l-informazzjoni jenħtieġ li tiġi pprovduta fil-forma ta’ dikjarazzjoni ta’ konformità unika tal-UE. Billi jfassal id-dikjarazzjoni ta’ konformità tal-UE, il-manifattur, l-importatur jew ir-rappreżentant awtorizzat jenħtieġ li jerfa’ r-responsabbiltà għall-konformità tal-prodott mar-rekwiżiti minimi tal-iġjene stabbiliti fid-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni (UE) 2024/368.

(5)

Peress li l-akkreditazzjoni hija mezz essenzjali ta’ verifika tal-kompetenza tal-korpi ta’ valutazzjoni tal-konformità, il-korpi ta’ valutazzjoni tal-konformità jenħtieġ li jiġu akkreditati minn korp nazzjonali ta’ akkreditament f’konformità mar-Regolament (KE) Nru 765/2008 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (3) sabiex jiġu awtorizzati bħala korp notifikat u jitħallew iwettqu l-proċeduri ta’ valutazzjoni tal-konformità stabbiliti f’dan ir-Regolament.

(6)

Sabiex jiġi żgurat livell konsistenti ta’ kwalità fit-twettiq tal-valutazzjoni tal-konformità, jeħtieġ li jiġu stabbiliti rekwiżiti għall-awtoritajiet notifikanti involuti fil-valutazzjoni tal-korpi notifikati. B’mod partikolari, jenħtieġ li jiġi żgurat li l-awtorità notifikanti tkun oġġettiva u imparzjali fir-rigward tal-attività tagħha. Barra minn hekk, jenħtieġ li l-awtoritajiet notifikanti jkunu meħtieġa jissalvagwardjaw il-kunfidenzjalità tal-informazzjoni li jiksbu, iżda madankollu jenħtieġ li jkunu jistgħu jiskambjaw informazzjoni dwar il-korpi notifikati mal-awtoritajiet nazzjonali, mal-awtoritajiet notifikanti ta’ Stati Membri oħrajn u mal-Kummissjoni biex tiġi żgurata l-konsistenza fil-valutazzjoni tal-konformità.

(7)

Wara li jitqiesu r-riżorsi meħtieġa għall-istabbiliment tal-organizzazzjoni meħtieġa mill-Istati Membri u mill-korpi ta’ valutazzjoni tal-konformità, u biex jiġi żgurat li l-korpi ta’ valutazzjoni tal-konformità jissodisfaw ir-rekwiżiti għan-notifika, jenħtieġ li l-applikazzjoni ta’ dan ir-Regolament tiġi differita. Jeħtieġ li tiġi evitata sitwazzjoni fejn l-applikazzjonijiet kollha għall-valutazzjonijiet tal-konformità tal-prodotti jridu jiġu pproċessati mill-korpi notifikati fl-istess ħin u li jiġi żgurat li l-korpi notifikati jkunu jistgħu jibnu progressivament kapaċità xierqa għat-twettiq tal-valutazzjoni tal-konformità tal-prodotti. Għalhekk, l-applikazzjoni ta’ dan ir-Regolament jenħtieġ li tiġi differita ulterjorment għall-prodotti li jkunu nstabu li huma f’konformità mar-rekwiżiti nazzjonali tal-iġjene għall-prodotti li jiġu f’kuntatt mal-ilma maħsub għall-konsum mill-bniedem qabel id-data tad-dħul fis-seħħ ta’ dan ir-Regolament u li għalihom iċ-ċertifikat ta’ konformità nazzjonali tal-prodott jiskadi wara dik id-data,

ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

Definizzjonijiet

Għall-finijiet ta’ dan ir-Regolament, japplikaw id-definizzjonijiet li ġejjin:

(1)

“materjal” tfisser element solidu, semisolidu jew likwidu li jintuża għall-manifattura ta’ prodott u li huwa:

(a)

kompożizzjoni organika mħejjija minn sustanza inizjali waħda jew aktar; jew

(b)

kompożizzjoni tas-siment imħejjija minn kostitwent wieħed jew aktar; jew

(c)

kompożizzjoni metallika, tal-enemel, taċ-ċeramika jew kompożizzjoni inorganika oħra;

(2)

“materjal finali” tfisser materjal li huwa soġġett għall-ittestjar u għall-aċċettazzjoni f’konformità mar-rekwiżiti tal-ittestjar u l-kriterji ta’ aċċettazzjoni stabbiliti fid-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni (UE) 2024/368;

(3)

“prodott” tfisser oġġett li jiġi f’kuntatt mal-ilma maħsub għall-konsum mill-bniedem, li huwa magħmul minn materjali finali u li huwa maħsub biex jiġi introdott fis-suq;

(4)

“prodott assemblat” tfisser prodott li jikkonsisti minn żewġ komponenti jew aktar, li jingħaqdu flimkien u jiffunzjonaw bħala unità sħiħa li tista’ tiġi żmantellata mingħajr ma jinqerdu l-komponenti;

(5)

“komponent” tfisser parti identifikabbli ta’ prodott assemblat li jikkonsisti minn materjal wieħed jew aktar;

(6)

“kampjun għat-test” tfisser oġġett rappreżentattiv tal-materjal finali li jintuża għat-twettiq tal-ittestjar f’konformità mal-proċeduri u l-metodi għall-ittestjar stabbiliti fid-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni (UE) 2024/368;

(7)

“rekwiżiti minimi tal-iġjene” tfisser ir-rekwiżiti tal-iġjene stabbiliti fid-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni (UE) 2024/368;

(8)

“manifattur” tfisser kwalunkwe persuna fiżika jew ġuridika li timmanifattura prodotti jew li tikkummissjona d-disinn jew il-manifattura ta’ prodotti, u li tikkummerċjalizza dawk il-prodotti taħt isimha jew bit-trademark tagħha, jew li tiddiżinja u tibni l-prodotti għall-użu tagħha stess;

(9)

“importatur” tfisser kwalunkwe persuna fiżika jew ġuridika stabbilita fl-Unjoni li tqiegħed prodotti minn pajjiż terz fis-suq tal-Unjoni;

(10)

“rappreżentant awtorizzat” tfisser kwalunkwe persuna fiżika jew ġuridika stabbilita fl-Unjoni li tkun irċeviet mandat bil-miktub mingħand manifattur biex taġixxi f’ismu fir-rigward ta’ kompiti speċifikati;

(11)

“valutazzjoni tal-konformità” tfisser il-proċess li juri li prodott jikkonforma mar-rekwiżiti minimi tal-iġjene;

(12)

“korp ta’ valutazzjoni tal-konformità” tfisser korp li jwettaq attivitajiet ta’ valutazzjoni tal-konformità inkluż l-ittestjar, iċ-ċertifikazzjoni u l-ispezzjoni;

(13)

“korp notifikat” tfisser korp ta’ valutazzjoni tal-konformità li jkun ġie notifikat f’konformità mal-Artikolu 5;

(14)

“akkreditazzjoni” tfisser akkreditazzjoni kif definita fl-Artikolu 2, il-punt (10), tar-Regolament (KE) Nru 765/2008;

(15)

“korp nazzjonali ta’ akkreditament” tfisser korp nazzjonali ta’ akkreditament kif definit fl-Artikolu 2, il-punt (11), tar-Regolament (KE) Nru 765/2008;

(16)

“tqegħid fis-suq” tfisser kwalunkwe provvista ta’ prodott għad-distribuzzjoni, għall-konsum jew għall-użu fis-suq tal-Unjoni matul attività kummerċjali, kemm jekk issir bi ħlas kif ukoll mingħajru;

(17)

“introduzzjoni fis-suq” tfisser it-tqegħid ta’ prodott fis-suq tal-Unjoni għall-ewwel darba;

(18)

“ittestjar imnaqqas” tfisser it-twettiq ta’ test li fih jiġu applikati biss parti mill-proċeduri u mill-metodi għall-ittestjar stabbiliti fid-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni (UE) 2024/368 fuq kampjuni għat-test li jkunu ġew irtirati mill-korp notifikat matul l-ispezzjoni inizjali jew annwali.

Artikolu 2

Proċeduri ta’ valutazzjoni tal-konformità

1.   Meta l-prodott ikun ikkategorizzat fil-grupp ta’ riskju 1 jew 2 skont id-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni (UE) 2024/368 jew, fil-każ ta’ kompożizzjoni metallika, fil-grupp ta’ prodotti A jew B fit-Tabella 2 “Grupp ta’ prodotti għall-kompożizzjonijiet metalliċi” tal-Anness II tad-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2024/365 (4) , għandhom japplikaw iż-żewġ proċeduri ta’ valutazzjoni tal-konformità li ġejjin:

(a)

il-modulu B (eżami tat-tip tal-UE) kif stabbilit fl-Anness II tad-Deċiżjoni Nru 768/2008/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (5) mwettaq minn korp notifikat bl-ispeċifikazzjonijiet li ġejjin:

(i)

il-valutazzjoni tal-konformità għandu jkun fiha eżami ta’ kampjun għat-test (tip ta’ produzzjoni);

(ii)

it-testijiet rilevanti kollha msemmija fid-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni (UE) 2024/368 għandhom jitwettqu mill-korp notifikat jew f’isem il-korp notifikat;

(iii)

il-kampjuni għat-test għall-eżami għandhom jiġu rtirati mill-korp notifikat meta ssir l-ispezzjoni tas-sit ta’ produzzjoni skont il-punt (b)(ii) jew (iii), ħlief meta l-produzzjoni tal-prodotti tkun għadha ma bdietx;

(b)

il-modulu D (Konformità mat-tip abbażi tal-assigurazzjoni tal-kwalità tal-proċess tal-produzzjoni) kif stabbilit fl-Anness II tad-Deċiżjoni Nru 768/2008/KE bl-ispeċifikazzjonijiet li ġejjin:

(i)

is-sistema ta’ kwalità għandha tiġi vvalutata mill-korp notifikat li jkun wettaq il-proċedura ta’ valutazzjoni tal-konformità msemmija fil-punt (a);

(ii)

għandha titwettaq spezzjoni inizjali tas-sit ta’ produzzjoni mill-korp notifikat biex tiġi vvalutata s-sistema tal-kwalità u biex jiġu rtirati l-kampjuni għat-test għall-eżami tat-tip;

(iii)

għandha titwettaq spezzjoni annwali tas-sit ta’ produzzjoni mill-korp notifikat biex tiġi vvalutata s-sistema tal-kwalità u biex jiġu rtirati l-kampjuni għat-test għall-valutazzjoni mill-ġdid tal-eżami tat-tip skont il-punt a) jew għal ittestjar imnaqqas skont il-punt (iv) ta’ dan il-punt;

(iv)

l-ittestjar imnaqqas annwali jista’ jitwettaq mill-korp notifikat jew f’isem il-korp notifikat, u t-testijiet jistgħu jitwettqu mill-manifattur bħala parti mis-sistema tal-kwalità.

Meta l-proċeduri ta’ valutazzjoni tal-konformità msemmija fl-ewwel subparagrafu juru li l-prodott jikkonforma mar-rekwiżiti minimi tal-iġjene, il-korp notifikat għandu joħroġ ċertifikat għaż-żewġ proċeduri ta’ valutazzjoni tal-konformità msemmija fil-punti (a) u (b) ta’ dak is-subparagrafu lill-manifattur, lill-importatur jew lir-rappreżentant awtorizzat. Iċ-ċertifikat għandu jkun fih l-isem u l-indirizz tal-manifattur, il-konklużjonijiet tal-valutazzjoni tal-konformità, kwalunkwe kundizzjoni għaċ-ċertifikat u d-data meħtieġa għall-identifikazzjoni tat-tip approvat. Iċ-ċertifikat għandu jkollu validità ta’ 5 snin.

Abbażi tal-eżitu tal-ispezzjoni annwali msemmija fl-ewwel subparagrafu, il-punt (b)(iii), il-korp notifikat jista’ jirtira ċ-ċertifikati rilevanti.

2.   Meta l-prodott ikun ikkategorizzat fil-grupp ta’ riskju 3 jew 4 skont id-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni (UE) 2024/368 jew, fil-każ ta’ kompożizzjoni metallika, fil-grupp ta’ prodotti C jew D fit-Tabella 2 “Grupp ta’ prodotti għall-kompożizzjonijiet metalliċi” tal-Anness II tad-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni (UE) 2024/365, għandhom japplikaw iż-żewġ proċeduri ta’ valutazzjoni tal-konformità li ġejjin:

(a)

il-modulu B (eżami tat-tip tal-UE) kif stabbilit fl-Anness II tad-Deċiżjoni Nru 768/2008/KE mwettaq minn korp notifikat u bl-ispeċifikazzjonijiet li ġejjin:

(i)

il-valutazzjoni tal-konformità għandu jkun fiha eżami ta’ kampjun għat-test (tip ta’ produzzjoni);

(ii)

it-testijiet rilevanti kollha msemmija fid-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni (UE) 2024/368 għandhom jitwettqu mill-korp notifikat jew f’isem il-korp notifikat;

(iii)

il-kampjuni għat-test għandhom jiġu pprovduti mill-manifattur, mill-importatur jew mir-rappreżentant awtorizzat lill-korp notifikat għall-eżami;

(b)

il-modulu C (konformità mat-tip abbażi tal-kontroll intern tal-produzzjoni) kif stabbilit fl-Anness II tad-Deċiżjoni Nru 768/2008/KE.

Meta l-proċeduri ta’ valutazzjoni tal-konformità msemmija fl-ewwel subparagrafu juru li l-prodott jikkonforma mar-rekwiżiti minimi tal-iġjene, il-korp notifikat għandu joħroġ ċertifikat għall-proċedura ta’ valutazzjoni tal-konformità msemmija f’dak is-subparagrafu, il-punt (a), lill-manifattur, lill-importatur jew lir-rappreżentant awtorizzat. Iċ-ċertifikat għandu jkun fih l-isem u l-indirizz tal-manifattur, il-konklużjonijiet tal-valutazzjoni tal-konformità, kwalunkwe kundizzjoni għall-validità taċ-ċertifikat u d-data meħtieġa għall-identifikazzjoni tat-tip approvat. Iċ-ċertifikat għandu jkollu validità ta’ 5 snin. Il-manifattur għandu jiżgura u jiddikjara li l-prodott ikkonċernat huwa f’konformità mat-tip deskritt fiċ-ċertifikat tal-eżami tat-tip tal-UE u jissodisfa r-rekwiżiti stabbiliti f’dan ir-Regolament.

3.   Meta l-prodott ikun prodott assemblat, il-proċedura applikabbli ta’ valutazzjoni tal-konformità għandha tiġi ddeterminata mill-komponent individwali bl-ogħla kategorizzazzjoni tal-grupp ta’ riskju (RG1 huwa l-grupp bl-ogħla riskju, filwaqt li RG4 huwa l-grupp bl-iktar riskju baxx) skont id-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2024/368 jew, fil-każ ta’ kompożizzjonijiet metalliċi, il-grupp ta’ prodotti bl-ogħla kategorizzazzjoni fit-Tabella 2 “Grupp ta’ prodotti għall-kompożizzjonijiet metalliċi” tal-Anness II tad-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni (UE) 2024/365.

4.   Il-proċedura ta’ valutazzjoni tal-konformità applikabbli għall-manifattura ta’ komponent individwali ta’ prodott assemblat għandha tiġi ddeterminata mill-grupp ta’ riskju ta’ dak il-komponent individwali skont id-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni (UE) 2024/368 jew, fil-każ ta’ kompożizzjonijiet metalliċi, il-grupp ta’ prodotti tal-komponent individwali fit-Tabella 2 “Grupp ta’ prodotti għall-kompożizzjonijiet metalliċi” tal-Anness II tad-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni (UE) 2024/365.

5.   Meta l-konformità ta’ prodott mar-rekwiżiti minimi applikabbli tal-iġjene tkun intweriet bil-proċedura ta’ valutazzjoni tal-konformità msemmija fil-paragrafu 1 jew 2, il-manifatturi, jew ir-rappreżentanti awtorizzati tagħhom, għandhom ifasslu dikjarazzjoni ta’ konformità tal-UE.

Bit-tfassil tad-dikjarazzjoni ta’ konformità tal-UE, jew billi din titfassal mir-rappreżentant awtorizzat tiegħu, il-manifattur, jerfa’ r-responsabbiltà għall-konformità tal-prodott mar-rekwiżiti minimi tal-iġjene.

Id-dikjarazzjoni ta’ konformità tal-UE għandu jkollha l-istruttura tal-mudell stabbilita fl-Anness u għandha tiġi aġġornata fuq bażi kontinwa. Għandha tiġi tradotta mill-manifattur, jew mir-rappreżentant awtorizzat tiegħu, fil-lingwa jew fil-lingwi meħtieġa mill-Istat Membru fejn il-prodott jiġi introdott fis-suq.

Artikolu 3

Awtoritajiet notifikanti

1.   L-Istati Membri għandhom jaħtru awtorità notifikanti li għandha tkun responsabbli għall-istabbiliment u għat-twettiq tal-proċeduri meħtieġa għall-valutazzjoni u għan-notifika ta’ korpi ta’ valutazzjoni tal-konformità u għall-monitoraġġ ta’ korpi notifikati, inkluża l-konformità mal-Artikolu 5.

2.   L-Istati Membri jistgħu jiddeċiedu li l-valutazzjoni u l-monitoraġġ imsemmija fil-paragrafu 1 għandhom jitwettqu minn korp nazzjonali ta’ akkreditament f’konformità mar-Regolament (KE) Nru 765/2008.

3.   Meta l-awtorità notifikanti tiddelega jew inkella tafda l-valutazzjoni, in-notifika jew il-monitoraġġ imsemmi fil-paragrafu 1 ta’ dan l-Artikolu, lil korp li ma jkunx entità governattiva, dak il-korp għandu jkun entità ġuridika u għandu jikkonforma mutatis mutandis mar-rekwiżiti stabbiliti fl-Artikolu 4. Barra minn hekk, dak il-korp għandu jkollu arranġamenti biex jagħmel tajjeb għar-responsabbiltajiet li jirriżultaw mill-attivitajiet tiegħu.

4.   L-awtorità notifikanti għandha terfa’ r-responsabbiltà sħiħa tal-kompiti mwettqa mill-korp imsemmi fil-paragrafu 3.

Artikolu 4

Rekwiżiti marbuta mal-awtoritajiet notifikanti

1.   Awtorità notifikanti għandha tiġi stabbilita b’tali mod li ma jkunx hemm kunflitti ta’ interess ma’ korpi ta’ valutazzjoni tal-konformità.

2.   L-awtorità notifikanti għandha tkun organizzata u għandha titmexxa b’mod li jiġu ssalvagwardjati l-oġġettività u l-imparzjalità tal-attivitajiet tagħha.

3.   Awtorità notifikanti għandha tkun organizzata b’tali mod li kull deċiżjoni relatata man-notifika ta’ korp ta’ valutazzjoni tal-konformità tittieħed minn persuni kompetenti differenti minn dawk li jkunu wettqu l-valutazzjoni.

4.   Awtorità notifikanti ma għandha toffri jew tipprovdi l-ebda attività li jwettqu l-korpi ta’ valutazzjoni tal-konformità jew servizzi ta’ konsulenza fuq bażi kummerċjali jew kompetittiva.

5.   L-awtorità notifikanti għandha tissalvagwardja l-kunfidenzjalità tal-informazzjoni li tikseb.

6.   Awtorità notifikanti għandu jkollha għadd suffiċjenti ta’ membri tal-persunal kompetenti għad-dispożizzjoni tagħha biex iwettaq il-kompiti tagħha kif xieraq.

Artikolu 5

Rekwiżiti fir-rigward ta’ korpi notifikati

1.   Għall-finijiet ta’ notifika, korp ta’ valutazzjoni tal-konformità għandu jissodisfa r-rekwiżiti stabbiliti f’dan l-Artikolu.

2.   Korp ta’ valutazzjoni tal-konformità għandu jiġi stabbilit skont il-liġi nazzjonali u għandu jkollu personalità ġuridika.

3.   Korp ta’ valutazzjoni tal-konformità għandu jkun korp terz indipendenti mill-organizzazzjoni tal-manifattur, tal-importatur jew tar-rappreżentant awtorizzat jew mill-prodotti li jivvaluta.

4.   Korp ta’ valutazzjoni tal-konformità għandu jiġi akkreditat minn korp nazzjonali ta’ akkreditament f’konformità mar-Regolament (KE) Nru 765/2008. L-akkreditazzjoni għandha tkun ibbażata fuq l-istandard internazzjonali EN ISO/IEC 17065:2017. Iċ-ċertifikat ta’ akkreditazzjoni għandu jafferma li l-korp ta’ valutazzjoni tal-konformità huwa kompetenti biex iwettaq il-proċeduri ta’ valutazzjoni tal-konformità msemmija fl-Artikolu 2 ta’ dan ir-Regolament.

5.   Korp ta’ valutazzjoni tal-konformità, il-maniġment superjuri tiegħu u l-persunal responsabbli għat-twettiq tal-kompiti ta’ valutazzjoni tal-konformità la għandhom ikunu d-disinjatur, il-manifattur, l-importatur, il-fornitur, ix-xerrej, is-sid jew l-utent ta’ prodotti li jivvalutaw, lanqas ma għandhom ikunu r-rappreżentant awtorizzat ta’ xi waħda minn dawk il-partijiet. Dan ma għandux jipprekludi l-użu ta’ prodotti li huma meħtieġa għall-operazzjonijiet tal-korp ta’ valutazzjoni tal-konformità jew l-użu ta’ prodotti għal finijiet personali.

Korp ta’ valutazzjoni tal-konformità, il-maniġment superjuri tiegħu u l-persunal responsabbli għat-twettiq tal-kompiti ta’ valutazzjoni tal-konformità ma għandhomx ikunu involuti direttament fid-disinn, fil-manifattura, fil-kummerċjalizzazzjoni jew fl-użu ta’ prodotti li jivvalutaw jew jirrappreżentaw partijiet involuti f’dawk l-attivitajiet. Dawn ma għandhom ikunu involuti fl-ebda attività li tista’ toħloq f’kunflitt mal-indipendenza tal-ġudizzju jew l-integrità tagħhom fir-rigward tal-attivitajiet ta’ valutazzjoni tal-konformità li għalihom jiġu notifikati. Dan għandu japplika b’mod partikolari għas-servizzi ta’ konsulenza.

Il-korpi ta’ valutazzjoni tal-konformità għandhom jiżguraw li l-attivitajiet tas-sussidjarji jew tas-sottokuntratturi tagħhom ma jaffettwawx il-kunfidenzjalità, l-oġġettività jew l-imparzjalità tal-attivitajiet ta’ valutazzjoni tal-konformità tagħhom.

6.   Il-korpi ta’ valutazzjoni tal-konformità u l-persunal tagħhom għandhom iwettqu l-attivitajiet ta’ valutazzjoni tal-konformità bl-ogħla livell ta’ integrità professjonali u l-kompetenza teknika meħtieġa fil-qasam speċifiku u għandhom ikunu ħielsa minn kull pressjoni u tentazzjoni, b’mod partikolari finanzjarji, li jistgħu jinfluwenzaw il-ġudizzju tagħhom jew ir-riżultati tal-attivitajiet ta’ valutazzjoni tal-konformità tagħhom, speċjalment fir-rigward ta’ persuni jew gruppi ta’ persuni b’interess fir-riżultati ta’ dawk l-attivitajiet.

7.   Korp ta’ valutazzjoni tal-konformità għandu jkun kapaċi jwettaq il-kompiti kollha tal-valutazzjoni tal-konformità assenjati lilu permezz tal-Artikolu 2 u li jkun ġie notifikat fir-rigward tagħhom, kemm jekk dawk il-kompiti jitwettqu mill-korp ta’ valutazzjoni tal-konformità nnifsu kif ukoll jekk f’ismu u taħt ir-responsabbiltà tiegħu.

F’kull mument u għal kull proċedura ta’ valutazzjoni tal-konformità u għal kull prodott li jkun ġie notifikat fir-rigward tiegħu, korp ta’ valutazzjoni tal-konformità għandu jkollu għad-dispożizzjoni tiegħu, jew stabbiliti, dawn li ġejjin:

(a)

persunal b’għarfien tekniku u b’esperjenza suffiċjenti u xierqa biex iwettaq il-kompiti ta’ valutazzjoni tal-konformità;

(b)

deskrizzjonijiet tal-proċeduri li f’konformità magħhom titwettaq il-valutazzjoni tal-konformità, li jiżguraw it-trasparenza u l-kapaċità ta’ riproduzzjoni ta’ dawk il-proċeduri;

(c)

politiki u proċeduri li jiddistingwu bejn il-kompiti li jwettaq bħala korp notifikat u attivitajiet oħrajn;

(d)

proċeduri għat-twettiq ta’ attivitajiet li jqisu kif xieraq id-daqs ta’ impriża, is-settur li topera fih, l-istruttura tagħha, il-grad ta’ kumplessità tat-teknoloġija tal-prodott inkwistjoni u n-natura tal-massa jew tas-serje tal-proċess tal-produzzjoni.

Korp ta’ valutazzjoni tal-konformità għandu jkollu l-mezzi meħtieġa biex iwettaq il-kompiti tekniċi u amministrattivi marbuta mal-attivitajiet ta’ valutazzjoni tal-konformità b’mod xieraq u għandu jkollu aċċess għat-tagħmir jew għall-faċilitajiet kollha meħtieġa.

8.   Il-persunal responsabbli għat-twettiq tal-kompiti ta’ valutazzjoni tal-konformità għandu jkollu dawn li ġejjin:

(a)

taħriġ tekniku u vokazzjonali sod li jkopri l-attivitajiet kollha ta’ valutazzjoni tal-konformità li għalihom il-korp ta’ valutazzjoni tal-konformità jkun ġie notifikat;

(b)

għarfien sodisfaċenti tar-rekwiżiti tal-valutazzjonijiet li jwettaq u awtorità adegwata biex iwettaq dawk il-valutazzjonijiet;

(c)

għarfien u fehim xierqa tar-rekwiżiti minimi tal-iġjene u l-istandards tagħhom stabbiliti fid-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni (UE) 2024/368; u

(d)

il-kapaċità li jifformula ċertifikati, rekords u rapporti li juru li l-valutazzjonijiet ikunu twettqu.

9.   Għandha tiġi ggarantita l-imparzjalità tal-korpi ta’ valutazzjoni tal-konformità, tal-maniġment superjuri tagħhom u tal-persunal responsabbli għat-twettiq tal-kompiti ta’ valutazzjoni tal-konformità.

Ir-remunerazzjoni tal-maniġment superjuri u tal-persunal responsabbli għat-twettiq tal-kompiti ta’ valutazzjoni tal-konformità ta’ korp ta’ valutazzjoni tal-konformità ma għandhiex tiddependi mill-għadd ta’ valutazzjonijiet li jsiru jew mir-riżultati ta’ dawk il-valutazzjonijiet.

10.   Il-korpi ta’ valutazzjoni tal-konformità għandhom jagħmlu assigurazzjoni ta’ responsabbiltà sakemm ir-responsabbiltà ma tiġix preżunta mill-Istat f’konformità mal-liġi nazzjonali, jew sakemm l-Istat Membru nnifsu ma jkunx direttament responsabbli għall-valutazzjoni tal-konformità.

11.   Il-persunal ta’ korp ta’ valutazzjoni tal-konformità għandu josserva s-segretezza professjonali fir-rigward tal-informazzjoni kollha miksuba waqt it-twettiq tal-kompiti tiegħu skont l-Artikolu 2, għajr fir-rigward tal-awtoritajiet kompetenti tal-Istati Membru fejn jitwettqu l-attivitajiet tiegħu. Id-drittijiet ta’ proprjetà għandhom jitħarsu.

12.   Il-korpi ta’ valutazzjoni tal-konformità għandhom jipparteċipaw fl-attivitajiet ta’ standardizzazzjoni rilevanti, jew jiżguraw li l-persunal tagħhom responsabbli biex iwettaq il-kompiti ta’ valutazzjoni tal-konformità jiġi infurmat dwarhom.

Artikolu 6

Sussidjarji ta’ u sottokuntrattar minn korpi notifikati

1.   Meta korp notifikat jagħti b’sottokuntratt kompiti speċifiċi marbuta mal-valutazzjoni tal-konformità jew iqabbad sussidjarja, għandu jiżgura li s-sottokuntrattur jew is-sussidjarja tissodisfa r-rekwiżiti stabbiliti fl-Artikolu 5 u għandu jinforma lill-awtorità notifikanti kif xieraq.

2.   Il-korpi notifikati għandhom jerfgħu r-responsabbiltà kollha tal-kompiti mwettqa mis-sottokuntratturi jew mis-sussidjarji kull fejn dawn ikunu stabbiliti.

3.   L-attivitajiet jistgħu jingħataw b’sottokuntratt jew jitwettqu minn sussidjarja biss meta jkun hemm il-qbil tal-klijent.

4.   Il-korpi notifikati għandhom iżommu għad-dispożizzjoni tal-awtorità notifikanti d-dokumenti rilevanti dwar il-valutazzjoni tal-kwalifiki tas-sottokuntrattur jew tas-sussidjarja, u tax-xogħol li jkun sar minnhom skont l-Artikolu 2.

Artikolu 7

Talba għal notifika

1.   Korp ta’ valutazzjoni tal-konformità għandu jissottometti applikazzjoni għal notifika lill-awtorità notifikanti tal-Istat Membru fejn ikun stabbilit.

2.   L-applikazzjoni għal notifika għandha tkun akkumpanjata minn dan li ġej:

(a)

deskrizzjoni tal-attivitajiet tal-valutazzjoni tal-konformità;

(b)

deskrizzjoni tal-proċeduri ta’ valutazzjoni tal-konformità stabbiliti fl-Artikolu 2 li għalihom il-korp ta’ valutazzjoni tal-konformità jiddikjara li huwa kompetenti;

(c)

ċertifikati ta’ akkreditazzjoni maħruġa minn korpi nazzjonali ta’ akkreditazzjoni li juru li l-korp ta’ valutazzjoni tal-konformità jissodisfa r-rekwiżiti stabbiliti fl-Artikolu 5 u li s-sussidjarji jew is-sottokuntratturi tiegħu jissodisfaw ir-rekwiżiti stabbiliti fl-Artikolu 6.

Artikolu 8

Proċedura ta’ notifika

1.   L-awtoritajiet notifikanti għandhom jinnotifikaw biss lill-korpi ta’ valutazzjoni tal-konformità li jkunu ssodisfaw ir-rekwiżiti stabbiliti fl-Artikolu 5.

2.   Għandhom jinnotifikaw lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri l-oħrajn bl-użu tal-għodda elettronika ta’ notifika żviluppata u ġestita mill-Kummissjoni.

3.   In-notifika għandha tinkludi d-dettalji kollha tal-attivitajiet ta’ valutazzjoni tal-konformità u tal-proċeduri ta’ valutazzjoni tal-konformità stabbiliti fl-Artikolu 2 kif ukoll iċ-ċertifikati ta’ akkreditazzjoni msemmija fl-Artikolu 7(2), il-punt (c).

4.   Il-korp konċernat jista’ jwettaq l-attivitajiet ta’ korp notifikat biss jekk ma titqajjem l-ebda oġġezzjoni mill-Kummissjoni jew mill-Istati Membri l-oħrajn fi żmien ġimagħtejn min-notifika.

Tali korp biss għandu jitqies bħala korp notifikat għall-finijiet ta’ dan ir-Regolament.

5.   L-awtorità notifikanti għandha tinnotifika lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri l-oħrajn bi kwalunkwe bidla rilevanti sussegwenti fin-notifika.

Artikolu 9

Numri ta’ identifikazzjoni u listi ta’ korpi notifikati

1.   Il-Kummissjoni għandha tassenja numru ta’ identifikazzjoni lil korp notifikat.

Għandha tassenja tali numru uniku anke fil-każ fejn il-korp jiġi notifikat skont diversi atti tal-Unjoni.

2.   Il-Kummissjoni għandha tqiegħed il-lista tal-korpi notifikati skont dan ir-Regolament għad-dispożizzjoni tal-pubbliku, inkluż in-numri ta’ identifikazzjoni li ġew assenjati lilhom u l-attivitajiet li għalihom ikunu ġew notifikati.

Il-Kummissjoni għandha tiżgura li l-lista tinżamm aġġornata.

Artikolu 10

Tibdil fin-notifiki

1.   Meta awtorità notifikanti tkun aċċertat ruħha jew tkun ġiet infurmata li korp notifikat ma jkunx għadu konformi mar-rekwiżiti stabbiliti fl-Artikolu 5 jew li jkun qiegħed jonqos milli jissodisfa l-obbligi tiegħu, l-awtorità notifikanti għandha tillimita, tissospendi jew tirtira n-notifika kif xieraq, skont kemm ikun gravi n-nuqqas li jiġu ssodisfati dawk ir-rekwiżiti jew li jiġu ssodisfati dawk l-obbligi. Din għandha tgħarraf minnufih b’dan lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri l-oħrajn, kif xieraq.

2.   Fil-każ ta’ restrizzjoni, sospensjoni jew irtirar tan-notifika, jew meta l-korp notifikat ikun waqqaf l-attività tiegħu, l-Istat Membru notifikanti għandu jieħu l-passi meħtieġa biex jiżgura li l-fajls ta’ dak il-korp jiġu pproċessati minn korp notifikat ieħor jew jinżammu disponibbli għall-awtoritajiet notifikanti u għall-awtoritajiet tas-sorveljanza tas-suq responsabbli, fuq talba tagħhom.

Artikolu 11

Dħul fis-seħħ u applikazzjoni

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fl-20 jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Għandu japplika mill-31 ta’ Diċembru 2026.

Madankollu, għall-prodotti li huma vvalutati li huma konformi mar-rekwiżiti nazzjonali tal-iġjene għall-prodotti li jiġu f’kuntatt mal-ilma maħsub għall-konsum mill-bniedem u li għalihom iċ-ċertifikat ta’ konformità nazzjonali jkun għadu validu fil-31 ta’ Diċembru 2026, dan għandu japplika mill-31 ta’ Diċembru 2032.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussell, it-23 ta’ Jannar 2024.

Għall-Kummissjoni

Il-President

Ursula VON DER LEYEN


(1)   ĠU L 435, 23.12.2020, p. 1.

(2)  Id-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2024/368 tat-23 ta’ Jannar 2024 li tistabbilixxi regoli għall-applikazzjoni tad-Direttiva (UE) 2020/2184 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill fir-rigward tal-proċeduri u l-metodi għall-ittestjar u l-aċċettazzjoni ta’ materjali finali kif użati fi prodotti li jiġu f’kuntatt mal-ilma maħsub għall-konsum mill-bniedem (ĠU L, 2024/368, 23.4.2024, ELI: http://data.europa.eu/eli/dec_impl/2024/368/oj).

(3)  Ir-Regolament (KE) Nru 765/2008 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-9 ta’ Lulju 2008 li jistabbilixxi r-rekwiżiti għall-akkreditament u għas-sorveljanza tas-suq relatati mal-kummerċjalizzazzjoni ta’ prodotti, u li jħassar ir-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 339/93 (ĠU L 218, 13.8.2008, p. 30).

(4)  Id-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2024/365 tat- 23 ta’ Jannar 2024 li tistabbilixxi r-regoli għall-applikazzjoni tad-Direttiva (UE) 2020/2184 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill fir-rigward tal-metodoloġiji għall-ittestjar u l-aċċettazzjoni tas-sustanzi inizjali, tal-kompożizzjonijiet u tal-kostitwenti li jridu jiġu inklużi fil-listi pożittivi Ewropej (ĠU L, 2024/365, 23.4.2024, ELI: http://data.europa.eu/eli/dec_impl/2024/365/oj).

(5)  Id-Deċiżjoni Nru 768/2008/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad- 9 ta' Lulju 2008 dwar qafas komuni għall-kummerċjalizzazzjoni ta' prodotti u li tħassar id-Deċiżjoni 93/465/KEE (ĠU L 218, 13.8.2008, p. 82).


ANNESS

Dikjarazzjoni ta’ konformità tal-UE

1.

Nru tal-prodott ... (identifikazzjoni unika tal-prodott).

2.

Isem u indirizz tal-manifattur u, fejn applikabbli, ir-rappreżentant awtorizzat tiegħu: ......

3.

Din id-dikjarazzjoni ta’ konformità qed tinħareġ taħt ir-responsabbiltà unika tal-manifattur: ...

4.

L-għan tad-dikjarazzjoni (l-identifikazzjoni tal-prodott li tippermetti t-traċċabbiltà), inkluża immaġni bil-kulur ċara biżżejjed biex tkun tista’ ssir identifikazzjoni tal-prodott: ...

5.

L-għan tad-dikjarazzjoni deskritt fil-punt 4 huwa konformi ma’:

Ir-Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) 2024/370,

leġiżlazzjoni oħra tal-Unjoni dwar l-armonizzazzjoni, fejn applikabbli.

6.

Referenzi għall-ispeċifikazzjonijiet li fir-rigward tagħhom hija ddikjarata l-konformità: ...

...

7.

Il-korp notifikat ... (isem, numru) wettaq ... (deskrizzjoni tal-intervent)u ħareġ iċ-ċertifikat ... (numru).

8.

Informazzjoni addizzjonali: ...

Iffirmata għal u f’isem:

(post u data tal-ħruġ):

(isem, kariga) (firma):


ELI: http://data.europa.eu/eli/reg_del/2024/370/oj

ISSN 1977-074X (electronic edition)


Top