Proċedura ta' restrizzjoni

Stat Membru, jew l-ECHA, fuq talba mill-Kummissjoni Ewropea, jistgħu jibdew il-proċedura ta’ restrizzjoni meta jkollhom tħassib li ċerta sustanza toħloq riskju inaċċettabbli għas-saħħa tal-bniedem jew għall-ambjent. L-ECHA tista’ tipproponi wkoll restrizzjoni fuq oġġetti li fihom sustanzi li jinsabu fil-Lista ta’ Awtorizzazzjoni (Anness XIV).

L-intenzjoni li titħejja proposta għal restrizzjoni tiġi ppubblikata fir-reġistru tal-intenzjonijiet qabel jitħejja l-fajl tal-proposta nnifsu sabiex tingħata twissija minn qabel.

Id-dossier li jipproponi r-restrizzjoni fih informazzjoni ta’ sfond bħall-identità tas-sustanza u ġustifikazzjonijiet għar-restrizzjonijiet proposti. Dan jinkludi r-riskji identifikati, kwalunkwe informazzjoni dwar alternattivi għas-sustanza u l-kostijiet, kif ukoll il-benefiċċji għall-ambjent u għas-saħħa tal-bniedem, bħala riżultat tar-restrizzjoni.

Id-dossier għandu jitħejja skont ir-Regolament REACH (Anness XV) u għandu jiġi ppreżentat lill-ECHA fi żmien tnax-il xahar min-notifika tal-intenzjoni li titħejja l-proposta.

Opinjonijiet tal-Kumitati

Meta jirċievu d-dossier, il-Kumitati tal-ECHA jivverifikaw jekk il-proposta tkunx konformi mar-rekwiżiti tal-Anness XV. Jekk iva, id-dossier jiġi ppubblikat għall-konsultazzjoni (eskluża kwalunkwe informazzjoni kummerċjalment kunfidenzjali). Il-partijiet interessati jistgħu mbagħad jikkummentaw dwar ir-restrizzjoni fi żmien sitt xhur mill-pubblikazzjoni tagħha fuq is-sit web tal-ECHA.

Fi żmien disa’ xhur mill-istess data ta’ pubblikazzjoni, il-Kumitat għall-Valutazzjoni tar-Riskju (RAC) tal-ECHA jagħti l-opinjoni tiegħu dwar jekk ir-restrizzjoni ssuġġerita tkunx xierqa biex jitnaqqas ir-riskju għas-saħħa tal-bniedem jew għall-ambjent abbażi tad-dossier u l-kummenti li jkunu waslu matul il-konsultazzjoni.

Fl-istess ħin, il-Kumitat għall-Analiżi Soċjo-Ekonomika (SEAC) iħejji opinjoni dwar l-impatti soċjoekonomiċi tar-restrizzjonijiet issuġġeriti, filwaqt li jqis il-kummenti u l-analiżijiet soċjoekonomiċi li jkunu tressqu mill-partijiet interessati. Il-kummenti kollha dwar l-abbozz ta’ opinjoni tas-SEAC għandhom jiġu ppreżentati fi żmien 60 jum mill-pubblikazzjoni tiegħu. Is-SEAC imbagħad se jadotta l-opinjoni finali tiegħu, filwaqt li jqis il-kummenti, fi żmien 12-il xahar mill-bidu tal-ewwel konsultazzjoni dwar il-proposta għal restrizzjoni.

Minbarra ż-żewġ gruppi msemmija hawn fuq, il-Forum tal-awtoritajiet tal-infurzar mill-Istati Membri jista’ jagħti parir lill-kumitati dwar l-eżegwibilità tar-restrizzjoni proposta.

Deċiżjoni

Iż-żewġ opinjonijiet tal-kumitati tal-ECHA jikkontribwixxu għad-deċiżjoni tal-Kummissjoni Ewropea, li min-naħa tagħha mbagħad ikollha stampa bbilanċjata tar-riskji identifikati u tal-benefiċċji u l-kostijiet tar-restrizzjoni proposta.

Fi żmien tliet xhur minn meta jaslu l-opinjonijiet taż-żewġ Kumitati, il-Kummissjoni tipprovdi abbozz ta’ emenda għal-lista ta’ restrizzjonijiet fl-Anness XVII ta’ REACH. Id-deċiżjoni finali tittieħed fi proċedura ta’ kumitat bi skrutinju li tinvolvi lill-Istati Membri u lill-Parlament Ewropew.

Infurzar

Ladarba tkun ġiet adottata r-restrizzjoni, l-industrija għandha tikkonforma magħha. Dan ifisser kulħadd, inklużi l-manifatturi, l-importaturi, id-distributuri, l-utenti downstream u l-bejjiegħa bl-imnut.

L-Istati Membri huma responsabbli għall-infurzar tar-restrizzjoni.