Progress in evaluation in 2020

L-ECHA tirrapporta dwar il-progress li sar fl-2020 fl-evalwazzjoni tad-dossier u tas-sustanza f’konformità mal-Artikolu 54 ta’ REACH. 

Fl-2020, l-ECHA kompliet il-ħidma tagħha fuq l-iskrinjar strutturali ta’ sustanzi simili fi gruppi: 717-il sustanza irreġistrati ’l fuq minn 100 tunnellata fis-sena ġew skrinjati. Minn dawn, l-ECHA għażlet 143 sustanza li jirrappreżentaw 33 grupp għall-kontroll tal-konformità.

Intalbet data importanti dwar il-periklu biex jiġi ċċarat it-tħassib relatat mas-saħħa tal-bniedem u l-perikli ambjentali, inklużi dawk li jaffettwaw ir-riproduzzjoni u li jikkawżaw mutazzjonijiet ġenetiċi.

Waħda mill-prijoritajiet fl-2020 kienet li tiġi vverifikata l-konformità ta’ dawk id-dossiers fejn ir-reġistranti għażlu li ma jipparteċipawx fis-sottomissjoni konġunta u minflok ressqu l-informazzjoni tagħhom separatament. L-ivverifikar ta’ dawn id-dossiers jikkontribwixxi biex jiġu żgurati kundizzjonijiet ekwi u jappoġġa l-funzjonament tas-suq intern. L-Aġenzija vverifikat il-konformità għal 13-il dossier li jkopru 9 sustanzi sottomessi minn kumpaniji li għażlu li ma jipparteċipawx f’sottomissjonijiet konġunti. Konsegwentement, intbagħtu 11-il abbozz ta’ deċiżjoni għal 8 sustanzi.

Fl-2020, l-ECHA wettqet 271 kontroll sħiħ tal-konformità li koprew 258 sustanza unika. Il-kontrolli sħaħ iffukaw fuq l-indirizzar tal-punti tat-tmiem tal-periklu ta’ livell ogħla rilevanti għal sustanzi jew gruppi ta’ sustanzi ta’ tħassib potenzjali prinċipalment fil-meded ta’ tunnellaġġ ogħla. Barra minn hekk, l-ECHA wettqet 76 verifika tal-konformità mmirati, li b’kollox irriżultaw fi 347 kontroll li koprew aktar minn 2500 reġistrazzjoni, u li indirizzaw 302 sustanzi uniċi.

Valutazzjonijiet konklużi

L-ECHA wettqet 271 kontroll sħiħ tal-konformità (CCHs) u 130 eżaminazzjoni ta’ proposti ta’ ttestjar (TPEs), li jkopru 360 sustanza unika. L-ECHA ħarġet 348 abbozz ta’ deċiżjonijiet: 240 dwar il-kontrolli tal-konformità msemmija hawn fuq u 108 dwar l-eżaminazzjonijiet ta’ proposti ta’ ttestjar. L-għażla tar-reġistrazzjonijiet għall-kontroll tal-konformità kienet ibbażata prinċipalment fuq (gruppi ta’) sustanzi li jqajmu tħassib potenzjali bbażat fuq il-periklu jew l-esponiment.