[go: up one dir, main page]

EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32017R0227

Regolament tal-Kummissjoni (UE) 2017/227 tad-9 ta' Frar 2017 li jemenda l-Anness XVII tar-Regolament (KE) Nru 1907/2006 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar ir-Reġistrazzjoni, il-Valutazzjoni, l-Awtorizzazzjoni u r-Restrizzjoni ta' Sustanzi Kimiċi (REACH) fir-rigward tal-eteru tal-bis(pentabromofenil) (Test b'rilevanza għaż-ŻEE. )

C/2017/0673

OJ L 35, 10.2.2017, p. 6–9 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

Legal status of the document No longer in force, Date of end of validity: 04/01/2021

ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2017/227/oj

10.2.2017   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 35/6


REGOLAMENT TAL-KUMMISSJONI (UE) 2017/227

tad-9 ta' Frar 2017

li jemenda l-Anness XVII tar-Regolament (KE) Nru 1907/2006 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar ir-Reġistrazzjoni, il-Valutazzjoni, l-Awtorizzazzjoni u r-Restrizzjoni ta' Sustanzi Kimiċi (REACH) fir-rigward tal-eteru tal-bis(pentabromofenil)

(Test b'rilevanza għaż-ŻEE)

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidrat ir-Regolament (KE) Nru 1907/2006 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-18 ta' Diċembru 2006 dwar ir-reġistrazzjoni, il-valutazzjoni, l-awtorizzazzjoni u r-restrizzjoni ta' sustanzi kimiċi (REACH), li jistabbilixxi Aġenzija Ewropea għas-Sustanzi Kimiċi, li jemenda d-Direttiva 1999/45/KE u li jħassar ir-Regolament (KEE) Nru 793/93 tal-Kunsill u r-Regolament (KE) Nru 1488/94 tal-Kummissjoni kif ukoll id-Direttiva 76/769/KEE tal-Kunsill u d-Direttivi 91/155/KEE, 93/67/KEE, 93/105/KE u 2000/21/KE tal-Kummissjoni (1), u b'mod partikolari l-Artikolu 68(1) tiegħu,

Billi:

(1)

L-eteru tal-bis(pentabromofenil) (“decaBDE”) jintuża ħafna bħala addittiv ritardant tal-fjammi b'applikazzjonijiet f'ħafna setturi differenti, b'mod partikolari fl-oġġetti tal-plastik u tat-tessuti iżda wkoll fl-adeżivi, fis-siġillanti, fil-kisi u fil-linka.

(2)

Fid-29 ta' Novembru 2012, il-Kumitat tal-Istati Membri, imsemmi fl-Artikolu 76(1)(e) tar-Regolament (KE) Nru 1907/2006, identifika d-decaBDE bħala sustanza persistenti, bijoakkumulattiva u tossika (“PBT”) u bħala sustanza persistenti ħafna u bijoakkumulattiva ħafna (“vPvB”) skont il-punti (d) u (e) rispettivament tal-Artikolu 57 tar-Regolament (KE) Nru 1907/2006. Fid-19 ta' Diċembru 2012, is-sustanza kienet inkluża fil-Lista tal-Kandidati ta' Sustanzi ta' Tħassib Serju Ħafna (“SVHC”) għall-inklużjoni possibbli fl-Anness XIV tar-REACH.

(3)

Fit-2 ta' Mejju 2013, in-Norveġja pproponiet li d-decaBDE tiġi elenkata fl-Anness A (Eliminazzjoni) tal-Konvenzjoni ta' Stokkolma dwar Materjal Organiku Persistenti li Jniġġes (POPs).

(4)

Wara l-proposta tan-Norveġja, il-Kummissjoni kkunsidrat li l-aħjar miżura regolatorja ma għadhiex li d-decaBDE tkun soġġetta għar-rekwiżit tal-awtorizzazzjoni skont ir-Regolament (KE) Nru 1907/2006. Fil-21 ta' Ġunju 2013, il-Kummissjoni talbet lill-Aġenzija Ewropea għas-Sustanzi Kimiċi (“l-Aġenzija”) biex tħejji dossier li jikkonforma mar-rekwiżiti tal-Anness XV tar-Regolament (KE) Nru 1907/2006 (“dossier tal-Anness XV”), bil-għan li jinbeda proċess ta' restrizzjoni skont l-Artikoli 69 sa 73 ta' dak ir-Regolament.

(5)

Fl-4 ta' Awwissu 2014, l-Aġenzija, flimkien man-Norveġja, ressqet dossier tal-Anness XV (2) lill-Kumitat għall-Istima tar-Riskji (“RAC”) u lill-Kumitat għall-Analiżi Soċjoekonomika (“SEAC”) tagħha. Id-dossier juri li tinħtieġ azzjoni fil-livell tal-Unjoni biex jiġi indirizzat ir-riskju lis-saħħa tal-bniedem u lill-ambjent minħabba l-manifattura, l-introduzzjoni fis-suq jew l-użu tad-decaBDE, weħidha, bħala kostitwent ta' sustanzi oħra, jew f'taħlitiet u f'oġġetti.

(6)

Fit-2 ta' Ġunju 2015, ir-RAC adotta l-opinjoni tiegħu, li kkonfermat li l-proprjetajiet persistenti u bijoakkumulattivi tad-decaBDE jagħtu lok għal tħassib speċifiku dwar id-distribuzzjoni mifruxa tiegħu u dwar il-potenzjal tiegħu li jikkawża ħsara irriversibbli lill-ambjent fit-tul, anke wara li jkunu waqfu l-emissjonijiet. Barra minn hekk, l-espożizzjoni għad-decaBDE tista' twassal għan-newrotossiċità fil-mammiferi, inkluż fil-bniedem.

(7)

Ir-RAC qabel mal-konklużjoni tad-dossier tal-Anness XV li r-restrizzjoni ġenerali fuq kull użu ta' tad-decaBDE, b'xi eċċezzjonijiet speċifiċi, kieku tnaqqas l-emissjonijiet tad-decaBDE kemm jista' jkun fit-terminu l-medju u t-twil.

(8)

Fl-10 ta' Settembru 2015, is-SEAC adotta l-opinjoni tiegħu fejn indika li r-restrizzjoni proposta, kif modifikata mis-SEAC, hija l-aktar miżura xierqa għall-Unjoni kollha biex jitnaqqsu l-emissjonijiet tad-decaBDE, f'termini tal-benefiċċji soċjoekonomiċi u tal-ispejjeż soċjoekonomiċi tagħha. Is-SEAC ibbaża l-opinjonijiet tiegħu fuq il-kosteffettività tar-restrizzjoni proposta, kif modifikata, u fuq għadd ta' argumenti kwalitattivi addizzjonali.

(9)

Is-SEAC qabel mad-differiment ta' tmintax-il xahar tal-applikazzjoni tar-restrizzjoni proposta fid-dossier tal-Anness XV biex il-partijiet ikkonċernati jkunu jistgħu jieħdu l-miżuri neċessarji għall-konformità.

(10)

Ir-RAC u s-SEAC qablu fuq l-eżenzjoni mir-restrizzjoni proposta fid-dossier tal-Anness XV għas-settur tal-avjazzjoni ċivili. Wara l-kummenti li waslu fil-konsultazzjoni pubblika, is-SEAC ssuġġerixxa wkoll li din għandha tkopri l-inġenji tal-ajru militari.

(11)

Ir-restrizzjoni proposta ma għandhiex tapplika għat-tagħmir elettriku u elettroniku fi ħdan l-ambitu tad-Direttiva 2011/65/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (3), billi l-introduzzjoni fis-suq ta' dan it-tagħmir li jkun fih l-eteri tad-difenil polibrominati (“PBDE”) f'konċentrazzjoni ogħla minn 0,1 % tal-piż diġà huwa rregolat minn dik id-Direttiva.

(12)

Ir-RAC u s-SEAC qablu wkoll li jeżentaw mir-restrizzjoni proposta dawk l-oġġetti li kienu diġà introdotti fis-suq qabel id-data tal-applikazzjoni ta' din ir-restrizzjoni.

(13)

Abbażi tal-informazzjoni miġbura mill-konsultazzjoni pubblika, is-SEAC issuġġerixxa eżenzjonijiet għall-ispare parts tal-vetturi motorizzati koperti mid-Direttiva 2007/46/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (4), tal-vetturi agrikoli u forestali koperti mir-Regolament (UE) Nru 167/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (5) u tal-makkinarju kopert mid-Direttiva 2006/42/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (6), fejn dawn il-vetturi u dan il-makkinarju jkunu prodotti qabel l-1 ta' Lulju 2018. Is-SEAC ġġustifika dawk l-eżenzjonijiet fuq il-bażi tal-piż sproporzjonat li r-restrizzjoni proposta kieku timponi f'rabta mal-ispare parts ta' dan it-tip, minħabba l-volumi baxxi involuti, it-tnaqqis progressiv fil-kwantità tad-decaBDE meħtieġa (billi l-vetturi u l-makkinarju laħqu l-istadju ta' tmiem il-ħajja) u l-ispejjeż tal-ittestjar tal-materjali alternattivi għall-produzzjoni ta' spare parts ta' dan it-tip. Is-SEAC ma rax li kien hemm xi raġuni biex l-ispare parts ta' dawk il-vetturi u l-makinarju jiġu ttrattati b'mod differenti, għalkemm iċ-ċikli ta' ħajjithom ivarjaw.

(14)

Il-Forum tal-Aġenzija għall-Iskambju ta' Informazzjoni dwar l-Infurzar, imsemmi fl-Artikolu 76(1)(f) tar-Regolament (KE) Nru 1907/2006, ġie kkonsultat waqt il-proċess tar-restrizzjoni u r-rakkomandazzjonijiet tiegħu ġew ikkunsidrati.

(15)

Fit-28 ta' Settembru 2015, l-Aġenzija ppreżentat l-opinjonijiet tar-RAC u tas-SEAC lill-Kummissjoni (7).

(16)

Abbażi ta' dawk l-opinjonijiet, il-Kummissjoni hija tal-fehma li hemm riskju inaċċettabbli għas-saħħa tal-bniedem u għall-ambjent li jirriżulta mill-manifattura, mill-użu jew mill-introduzzjoni fis-suq tad-decaBDE, weħidha, bħala kostitwent ta' sustanzi oħra, jew f'taħlitiet u f'oġġetti. Il-Kummissjoni tqis li dawn ir-riskji għandhom jiġu indirizzati fil-livell tal-Unjoni.

(17)

Fid-dawl tal-inċertezzi li għad fadal fir-rigward tal-kapaċità tas-settur tar-riċiklaġġ li jiżgura l-ġestjoni tal-iskart li fih id-decaBDE, il-Kummissjoni tqis li jinħtieġ perjodu ta' differiment itwal minn 18-il xahar.

(18)

Il-possibbiltà li d-decaBDE tibqa' tkun disponibbli għall-produzzjoni tal-inġenji tal-ajru, ċivili jew militari, għandha tkun limitata għal għaxar snin mid-data tad-dħul fis-seħħ ta' dan ir-Regolament, peress li dan għandu jagħti lill-industrija biżżejjed żmien biex tadatta. Għandhom jingħataw ukoll eżenzjonijiet fir-rigward tal-produzzjoni u t-tqegħid fis-suq tal-ispare parts għall-inġenji tal-ajru kollha, ċivili jew militari, prodotti qabel l-iskadenza ta' dak il-perjodu.

(19)

Għandu jkun hemm eżenzjoni għall-produzzjoni u l-introduzzjoni fis-suq ta' spare parts għall-vetturi u l-makkinarju, imsemmija fil-premessa (13), li jiġu prodotti qabel it-2 ta' Marzu 2019.

(20)

Għalhekk, ir-Regolament (KE) Nru 1907/2006 għandu jiġi emendat skont dan.

(21)

Il-miżuri previsti f'dan ir-Regolament huma skont l-opinjoni tal-Kumitat stabbilit skont l-Artikolu 133 tar-Regolament (KE) Nru 1907/2006,

ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

L-Anness XVII tar-Regolament (KE) Nru 1907/2006 huwa emendat skont l-Anness ta' dan ir-Regolament.

Artikolu 2

Dan ir-Regolament jidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Dan ir-Regolament jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussell, id-9 ta' Frar 2017.

Għall-Kummissjoni

Il-President

Jean-Claude JUNCKER


(1)  ĠU L 396, 30.12.2006, p. 1.

(2)  http://echa.europa.eu/documents/10162/a3f810b8-511d-4fd0-8d78-8a8a7ea363bc

(3)  Id-Direttiva 2011/65/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-8 ta' Ġunju 2011 dwar ir-restrizzjoni tal-użu ta' ċerti sustanzi perikolużi fit-tagħmir elettriku u elettroniku (ĠU L 174, 1.7.2011, p. 88).

(4)  Id-Direttiva 2007/46/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-5 ta' Settembru 2007 li tistabbilixxi kwadru għall-approvazzjoni ta' vetturi bil-mutur u l-karrijiet tagħhom, u ta' sistemi, komponenti u unitajiet tekniċi separati maħsuba għal tali vetturi (ĠU L 263, 9.10.2007, p. 1).

(5)  Ir-Regolament (UE) Nru 167/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-5 ta' Frar 2013 dwar l-approvazzjoni u s-sorveljanza tas-suq ta' vetturi għall-agrikoltura u għall-forestrija (ĠU L 60, 2.3.2013, p. 1).

(6)  Id-Direttiva 2006/42/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-17 ta' Mejju 2006 dwar il-makkinarju, u li temenda d-Direttiva 95/16/KE (ĠU L 157, 9.6.2006, p. 24).

(7)  http://echa.europa.eu/documents/10162/b5ac0c91-e110-4afb-a68d-08a923b53275


ANNESS

Fl-Anness XVII tar-Regolament (KE) Nru 1907/2006, tiżdied l-entrata li ġejja:

“67.

Eteru tal-bis(pentabromofenil)

(eteru tad-dekabromodifenil; decaBDE)

Nru CAS 1163-19-5

Nru KE 214-604-9

1.

Ma għandux jiġi mmanifatturat jew jitqiegħed fis-suq bħala sustanza waħidha wara t-2 ta' Marzu 2019.

2.

Ma għandux jintuża fil-produzzjoni ta':

(a)

sustanza oħra, bħala kostitwent;

(b)

taħlita;

(c)

oġġett, jew kwalunkwe parti tiegħu, jew introdott fis-suq fihom, f'konċentrazzjoni daqs jew ikbar minn 0,1 % tal-piż, wara t-2 ta' Marzu 2019.

3.

Il-paragrafi 1 u 2 ma għandhomx japplikaw għal sustanza, kostitwent ta' sustanza oħra jew taħlita li trid tintuża, jew tiġi użata:

(a)

fil-produzzjoni ta' inġenju tal-ajru qabel it-2 ta' Marzu 2027,

(b)

fil-produzzjoni ta' spare parts għal kull wieħed minn dawn li ġejjin:

(i)

inġenju tal-ajru mmanifatturat qabel it-2 ta' Marzu 2027,

(ii)

vetturi motorizzati fi ħdan il-kamp ta' applikazzjoni tad-Direttiva 2007/46/KE, vetturi agrikoli u forestali fil-kamp ta' applikazzjoni tar-Regolament (UE) Nru 167/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (*1) jew makkinarju fil-kamp ta' applikazzjoni tad-Direttiva 2006/42/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (*2), prodotti qabel it-2 ta' Marzu 2019.

4.

Is-subparagrafu 2(c) ma għandux japplika għal kwalunkwe wieħed minn dawn li ġejjin:

(a)

oġġetti introdotti fis-suq qabel it-2 ta' Marzu 2019;

(b)

inġenji tal-ajru manifatturati skont is-subparagrafu 3(a);

(c)

spare parts ta' inġenji tal-ajru, vetturi jew magni prodotti skont is-subparagrafu 3(b);

(d)

tagħmir elettriku u elettroniku fi ħdan l-ambitu tad-Direttiva 2011/65/UE.

5.

Għall-finijiet ta' din l-entrata “inġenju tal-ajru” tfisser waħda minn dawn li ġejjin:

(a)

inġenju tal-ajru ċivili mmanifatturat f'konformità ma' ċertifikat tat-tip maħruġ skont ir-Regolament (UE) Nru 216/2008 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (*3) jew bl-approvazzjoni tad-disinn maħruġa skont il-leġiżlazzjoni nazzjonali ta' Stat kontraenti tal-Organizzazzjoni tal-Avjazzjoni Ċivili Internazzjonali (ICAO), jew li għalih inħareġ ċertifikat tal-ajrunavigabilità minn Stat Kontraenti tal-ICAO skont l-Anness 8 tal-Konvenzjoni dwar l-Avjazzjoni Ċivili Internazzjonali;

(b)

inġenju tal-ajru militari.


(*1)  Ir-Regolament (UE) Nru 167/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-5 ta' Frar 2013 dwar l-approvazzjoni u s-sorveljanza tas-suq ta' vetturi għall-agrikoltura u għall-forestrija (ĠU L 60, 2.3.2013, p. 1).

(*2)  Id-Direttiva 2006/42/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-17 ta' Mejju 2006 dwar il-makkinarju, u li temenda d-Direttiva 95/16/KE (ĠU L 157, 9.6.2006, p. 24).

(*3)  Ir-Regolament (KE) Nru 216/2008 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-20 ta' Frar 2008 dwar regoli komuni fil-kamp tal-avjazzjoni ċivili u li jistabbilixxi Aġenzija Ewropea tas-Sikurezza tal-Avjazzjoni, u li jħassar id-Direttiva tal-Kunsill 91/670/KEE, ir-Regolament (KE) Nru 1592/2002 u d-Direttiva 2004/36/KE (ĠU L 79, 19.3.2008, p. 1).”


Top