02009L0148 — MT — 26.07.2019 — 001.001
Dan it-test hu maħsub purament bħala għodda ta’ dokumentazzjoni u m’għandu l-ebda effett legali. L-istituzzjonijiet tal-Unjoni m'għandhom l-ebda responsabbiltà għall-kontenut tiegħu. Il-verżjonijiet awtentiċi tal-atti rilevanti, inklużi l-preamboli tagħhom, huma dawk ippubblikati fil-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea u disponibbli f’EUR-Lex. Dawk it-testi uffiċjali huma aċċessibbli direttament permezz tal-links inkorporati f’dan id-dokument
DIRETTIVA 2009/148/KE TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL tat-30 ta’ Novembru 2009 dwar il-protezzjoni tal-ħaddiema mir-riskji konnessi mal-espożizzjoni għall-asbestos fuq ix-xogħol (verżjoni kodifikata) (ĠU L 330 16.12.2009, p. 28) |
Emendata bi:
|
|
Il-Ġurnal Uffiċjali |
||
Nru |
Paġna |
Data |
||
REGOLAMENT (UE) 2019/1243 TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL tal-20 ta’ Ġunju 2019 |
L 198 |
241 |
25.7.2019 |
DIRETTIVA 2009/148/KE TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL
tat-30 ta’ Novembru 2009
dwar il-protezzjoni tal-ħaddiema mir-riskji konnessi mal-espożizzjoni għall-asbestos fuq ix-xogħol
(verżjoni kodifikata)
(Test b’relevanza għaż-ŻEE)
Artikolu 1
1. Din id-Direttiva, għandha bħala l-għan tagħha l-protezzjoni tal-ħaddiema kontra r-riskji għal saħħithom, inkluża l-prevenzjoni ta’ riskji ta’ din ix-xorta, li jiġu jew aktarx jiġu mill-fatt li jkunu esposti għall-asbestos fuq ix-xogħol.
Hija tistabbilixxi l-limitu ta’ din l-espożizzjoni kif ukoll kondizzjonijiet oħra speċifiċi.
2. Din id-Direttiva hija mingħajr preġudizzju għad-dritt tal-Istati Membri li japplikaw jew idaħħlu liġijiet, regolamenti jew dispożizzjonijiet amministrattivi li jagħtu protezzjoni ikbar għall-ħaddiema, b’mod partikolari f’dak li għandu x’jaqsam mal-bdil tal-asbestos b’sostituti anqas perikolużi.
Artikolu 2
Għall-finijiet ta’ din id-Direttiva, “asbestos” tfisser is-silikati fibrużi li ġejjin:
(a) Asbestos actinolite, CAS Nru 77536–66–4 ( 1 );
(b) Asbestos gruenerite (amosite) CAS Nru 12172–73–5 (1) ;
(c) Asbestos anthophyllite, CAS Nru 77536–67–5 (1) ;
(d) Chrysotile, CAS Nru 12001–29–5 (1) ;
(e) Crocidolite, CAS Nru 12001–28–4 (1) ;
(f) Asbestos tremolite, CAS Nru 77536–68–6 (1) .
Artikolu 3
1. Din id-Direttiva tapplika għall-attivitajiet li fihom il-ħaddiema huma jew jistgħu jkunu esposti waqt xogħolhom għat-trab li jiġi mill-asbestos jew materjali li fihom l-asbestos.
2. Fil-każ ta’ kull attività li x’aktarx tinvolvi xi riskju li jiġu esposti għat-trab li jiġi mill-asbestos jew xi materjali li jkun fihom l-asbestos, dan ir-riskju għandu jiġi stmat b’mod li tiġi stabbilita n-natura jew il-grad tal-espożizzjoni għat-trab li ġej mill-asbestos jew minn materjali li fihom l-asbestos.
3. Sakemm l-espożizzjoni tal-ħaddiema tkun sporadika u ta’ intensità baxxa, u meta jkun ċar mir-riżultati tal-istima tar-riskju msemmija fil-paragrafu 2 li l-limitu tal-espożizzjoni għall-asbestos m’għandux jinqabeż fl-arja taż-żona tax-xogħol, l-Artikoli 4, 18 u 19 jistgħu ma jiġux applikati meta x-xogħol jinvolvi:
(a) attivitajiet ta’ manutenzjoni qosra, mhux kontinwi li fihom jintmissu biss materjali li li ma jinkisrux malajr;
(b) it-tneħħija mingħajr deterjorazzjoni ta’ materjali mhux degradati li fihom il-fibri tal-asbestos huma mqabbda sew mal-matriċi;
(c) enkapsulazzjoni jew issiġillar ta’ materjali li jkun fihom l-asbestos li huma f’kondizzjoni tajba;
(d) monitoraġġ u kontroll tal-arja, u l-kampjunament biex jiġi aċċertat jekk materjal speċifiku jkunx fih l-asbestos.
4. L-Istati Membri għandhom, wara konsultazzjoni mal-imsieħba soċjali, skont il-liġi u l-prattika nazzjonali jippreskrivu linji gwida prattiċi għall-istabbiliment ta’ espożizzjoni sporadika u ta’ intensità baxxa, hekk kif provdut fil-paragrafu 3.
5. L-istima msemmiija fil-paragrafu 2 għandha tkun suġġetta għal konsultazzjoni mal-ħaddiema u/jew ir-rappreżentanti tagħhom fl-impriża jew fl-istabbiliment u għandhom jerġgħu jiġu eżaminati meta jkun hemm raġuni li wieħed jaħseb li mhijiex korretta jew hemm xi bdil materjali fix-xogħol.
Artikolu 4
1. Bla ħsara għall-Artikolu 3(3), għandhom jittieħdu miżuri previsti fil-paragrafi 2 sa 5.
2. L-attivitajiet imsemmija fl-Artikolu 3(1) għandhom jiġu rregolati b’sistema ta’ notifika amministrata mill-awtorità responsabbli tal-Istat Membru.
3. In-notifika skont il-paragrafu 2 għandha tintbagħat minn min iħaddem lill-awtorità responsabbli tal-Istat Membru, qabel ma jinbeda x-xogħol, skont il-liġijiet, ir-regolamenti u d-dispożizzjonijiet amministrattivi nazzjonali.
Din in-notifika għandha tinkludi tal-anqas deskrizzjoni qasira ta’:
(a) fejn jinsab s-sit tax-xogħol;
(b) it-tip u l-kwantitajiet ta’ asbestos użati jew immaniġġjati;
(c) l-attivitajiet u l-proċessi involuti;
(d) in-numru ta’ ħaddiema involuti;
(e) id-data tal-bidu tax-xogħol u t-tul ta’ żmien;
(f) miżuri meħuda biex jillimitaw l-espożizzjoni tal-ħaddiema għall-asbestos.
4. Il-ħaddiema u/jew ir-rappreżentanti tagħhom fl-impriżi jew fl-istabbilimenti għandhom ikollhom aċċess għad-dokumenti li jaqgħu taħt in-notifika msemmija fit-tieni paragrafu li għandhom x’jaqsmu mal-impriża jew l-istabbiliment tagħhom stess b’mod konformi mal-liġijiet nazzjonali.
5. Kull darba li bidla fil-kondizzjonijiet tax-xogħol x’aktarx li tirriżulta f’żieda sinifikanti f’espożizzjoni għat-trab tal-asbestos jew materjali li jkun fihom l-asbestos, għandha tintbagħat notifika ġdida.
Artikolu 5
L-applikazzjoni tal-asbestos bi proċess ta’ traxxix u proċeduri ta’ xogħol li jinvolvu l-użu ta’ materjali iżolanti jew li jwaqqfu l-ħoss ta’ densità baxxa (anqas minn 1 g/ċm3) li jkun jinsab fihom l-asbestos huma pprojbiti.
Mingħajr preġudizzju għall-applikazzjoni ta’ dispożizzjonijiet oħra tal-Komunità dwar il-marketing u l-użu tal-asbestos, attivitajiet li jesponu lill-ħaddiema għall-fibri tal-asbestos matul l-estrazzjoni ta’ asbestos jew il-manifattura u l-ipproċessar ta’ prodotti tal-asbestos jew il-manifattura u l-ipproċessar ta’ prodotti li jkun fihom asbestos miżjud apposta għandhom ikunu projbiti, bl-eċċezzjoni tat-trattament u d-disponiment ta’ prodotti li jirriżultaw mit-twaqqigħ u t-tneħħija tal-asbestos.
Artikolu 6
Għall-attivitajiet kollha msemmija fl-Artikolu 3(1), l-espożizzjoni ta’ ħaddiema għal trab li joħroġ mill-asbestos jew materjali li jkun fihom l-asbestos fuq il-post tax-xogħol għandha titnaqqas għal minimu u f’kull każ taħt il-limitu tal-valur preskritt fl-Artikolu 8, b’mod partikolari permezz tal-miżuri li ġejjin:
(a) in-numru ta’ ħaddiema esposti jew x’aktarx li jkunu esposti għat-trab li joħroġ mill-asbestos jew materjali li jkun fihom l-asbestos għandu jkun limitat għall-figura l-aktar baxxa possibbli;
(b) il-proċessi tax-xogħol għandhom ikunu disinjati biex ma jipproduċux trab tal-asbestos jew, jekk dan ikun impossibbli, li jiġi evitat ir-rilaxx ta’ trab tal-asbestos fl-arja;
(c) il-postijiet kollha u l-apparat involut fit-trattament ta’ asbestos għandu jkun kapaċi li jiġi regolarment u effettivament imnaddaf u mantnut;
(d) l-asbestos jew materjal li fih l-asbestos li jiġġenera t-trab għandu jiġi maħżun u trasportat f’pakketti ssiġillati kif imiss;
(e) l-iskart għandu jinġabar u jitneħħa mill-post tax-xogħol kemm jista’ jkun malajr f’pakketti ssiġillati kif imiss b’tabelli li jindikaw li jkun fihom l-asbestos; din il-miżura ma tapplikax għal attivitajiet tal-minjieri; dak ir-rimi għandu mbagħad jiġi ttrattat skont id-Direttiva tal-Kunsill 91/689/KEE tat-12 ta’ Diċembru 1991 dwar skart perikoluż ( 2 ).
Artikolu 7
1. Skond ir-riżultati tal-stima inizjali tar-riskju, u sabiex tiġi assigurata konformità mal-limitu preskritt fl-Artikolu 8, il-kejl tal-fibri tal-asbestos fl-arja fil-post tax-xogħol għandu jitwettaq regolarment.
2. Il-kampjunament għandu jkun rappreżentattiv tal-espożizzjoni personali tal-ħaddiema għal trab li joħroġ mill-asbestos jew materjali li jkun fihom l-asbestos.
3. Il-kampjunament għandu jitwettaq wara konsultazzjoni mal-ħaddiema u/jew ir-rappreżentanti tagħhom fl-impriża jew stabbiliment.
4. Il-kampjunament għandu jitwettaq minn persunal kwalifikat kif imiss. Il-kampjuni meħuda għandhom sussegwentement ikunu analizzati, skont il-paragrafu 6, f’laboratorji mgħammra biex jingħaddu l-fibri.
5. It-tul ta’ żmien tal-kampjunament għandu jkun tali li espożizzjoni rappreżentattiva tista’ tiġi stabbilita għal perjodu ta’ referenza ta’ tmien sigħat (xift wieħed) permezz ta’ kejl jew kalkolazzjonijiet peżati skont il-ħin.
6. L-għadd tal-fibri għandu jitwettaq kull fejn possibbli permezz ta’ phase-contrast microscope (PCM) skont il-metodu rakkomandat tal-1997 mill-Organizzazzjoni Dinjija tas-Saħħa (WHO) ( 3 ) jew xi metodu ieħor li jagħti riżultati ekwivalenti.
Għall-għanijiet tal-kejl tal-asbestos fl-arja, kif imsemmija fl-ewwel paragrafu, għandhom jiġu kkunsidrati biss dawk il-fibri biss b’tul ta’ aktar minn 5 mikrometri u wisa’ ta’ inqas minn 3 mikrometri u proporzjon ta’ tul/wisa’ akbar minn 3:1.
Artikolu 8
Min iħaddem għandu jassigura li ebda ħaddiem ma jiġi espost għall-konċentrazzjoni ta’ asbestos fl-arja li teċċedi ż-0,1 fibri kull cm3 fuq medja ta’ perjodu ta’ tmien sigħat peżat skont il-ħin (TWA).
▼M1 —————
Artikolu 10
1. Fejn il-limitu preskritt fl-Artikolu 8 jinqabeż, ir-raġunijiet għaliex il-limitu jkun inqabeż għandhom jiġu identifikati u miżuri adattati biex tiġi rimedjata s-sitwazzjoni għandom jittieħdu mill-aktar fis possibbli.
Ma jistax jibqa’ jsir xogħol fiż-żona affetwata sakemm ma jkunux ittieħdu l-miżuri xierqa għall-protezzjoni tal-ħaddiema interessati.
2. Biex jiġi kkontrollat kemm huma effettivi l-miżuri msemmija fl-ewwel subparagrafu tal-paragrafu 1, għandhom jiġu stabbiliti għal darb’oħra u minnufih il-konċentrazzjonijiet tal-asbestos fl-arja.
3. Fejn l-espożizzjoni ma tistgħax titnaqqas b’mezzi oħra u fejn il-konformità mal-limitu teħtieġ l-ilbies ta’ apparat tan-nifs individwali protettiv, dan m’għandux ikun permanenti u għandu jinżamm għall-minimu strett meħtieġ għal kull ħaddiem. Matul perjodi ta’ xogħol li jeħtieġu l-użu ta’ dak l-apparat tan-nifs, għandha ssir dispożizzjoni għal perjodi ta’ mistrieħ adattati għall-kondizzjonijiet fiżiċi u klimatoloġiċi u, fejn relevanti, b’konsultazzjoni mal-ħaddiema u/jew ir-rappreżentanti tagħhom fl-impriża jew stabbiliment, skont il-liġijiet u l-prattika nazzjonali.
Artikolu 11
Qabel ma jinbeda xogħol ta’ twaqqigħ jew manutenzjoni, min iħaddem għandu jieħu, fejn xieraq, billi jikseb informazzjoni mis-sidien tal-post, il-passi kollha meħtieġa biex jidentifika materjali li huwa maħsub li fihom l-asbestos.
Jekk ikun hemm xi dubju dwar il-preżenza ta’ asbestos f’materjal jew kostruzzjoni, id-dispożizzjonijiet applikabbli ta’ din id-Direttiva għandhom jiġu osservati.
Artikolu 12
Fil-każ ta’ ċerti attivitajiet bħal xogħolijiet ta’ twaqqigħ, tneħħija, tiswija u manutenzjoni li fir-rigward tagħhom ikun prevvist li l-limitu tal-valur stipulat fl-Artikolu 8 jinqabeż minkejja l-użu ta’ miżuri tekniċi preventivi għall-illimitar ta’ konċentrazzjoni ta’ asbestos fl-arja, min iħaddem għandu jistabbilixxi l-miżuri maħsuba biex tiġi assigurata l-protezzjoni tal-ħaddiema waqt li jkunu qed jaħdmu f’dawk l-attivitajiet, b’mod partikolari dan li ġej:
(a) il-ħaddiema għandu jinħarġilhom apparat respiratorju adattat u apparat ieħor personali protettiv, li għandu jintlibes,
(b) għandhom jitqiegħdu sinjali ta’ twissija li juru li huwa prevvist li l-limitu preskritt fl-Artikolu 8 sejjer jinqabeż, u
(c) it-tixrid ta’ trab li joħroġ mill-asbestos jew materjali li fihom l-asbestos barra l-post jew is-sit tal-azzjoni għandu jkun evitat.
Il-ħaddiema u/jew ir-rappreżentanti tagħhom fl-impriża jew fl-istabbiliment għandhom jiġu kkonsultati dwar dawn il-miżuri qabel ma jsiru l-attivitajiet ikkonċernati.
Artikolu 13
1. Għandu jitfassal pjan ta’ xogħol qabel ma jinbeda xi xogħol ta’ twaqqigħ jew xogħol ta’ tneħħija tal-asbestos u/jew ta’ prodotti li jkun fihom l-asbestos minn bini, strutturi, impjanti jew installazzjonijiet jew minn vapuri.
2. Il-pjan imsemmi fil-paragrafu 1 għandu jippreskrivi l-miżuri meħtieġa biex jassiguraw is-sigurtà u s-saħħa tal-ħaddiema fuq il-post tax-xogħol.
Il-pjan għandu b’mod partikolari jispeċifika li:
(a) asbestos u/jew prodotti li fihom l-asbestos għandhom jitneħħew qabel ma tiġi applikata t-teknika tat-twaqqigħ, ħlief fejn dan joħloq riskju akbar għall-ħaddiema milli jekk l-asbestos jew il-prodotti li fihom l-asbestos jitħallew fil-post;
(b) l-apparat personali protettiv imsemmi fl-Artikolu 12(1)(a) għandu jkun provdut, fejn meħtieġ;
(c) meta x-xogħol tat-twaqqigħ jew tneħħija tal-asbestos ikun tlesta, l-assenza ta’ riskji ta’ espożizzjoni għall-asbestos fil-post tax-xogħol għandha tiġi verifikata b’konformità mal-leġislazzjoni u l-prattika nazzjonali.
Fuq it-talba tal-awtoritajiet kompetenti, il-pjan għandu jinkludi informazzjoni dwar dan li ġej:
(a) in-natura tax-xogħol u kemm x’aktarx li jdum sejjer;
(b) il-post fejn isir ix-xogħol;
(c) il-metodi li jiġu applikati meta x-xogħol jinvolvi l-immaniġġar tal-asbestos jew ta’ materjali li jkun fihom l-asbestos;
(d) il-karatteristiċi tal-apparat użat għal:
(i) protezzjoni u d-dekontaminazzjoni ta’ dawk li qed jagħmlu x-xogħol,
(ii) protezzjoni tal-persuni l-oħra preżenti jew qrib tal-post tax-xogħol.
3. Fuq it-talba tal-awtoritajiet kompetenti, il-pjan imsemmi fil-paragrafu 1 għandu jiġi nnotifikat lilhom qabel il-bidu tax-xogħol proġettat.
Artikolu 14
1. Min iħaddem għandu jipprovdi taħriġ adattat għall-ħaddiema kollha li huma, jew li x’aktarx ikunu, esposti għal trab li joriġina mill-asbestos jew materjali li jkun fihom l-asbestos. Dak it-taħriġ għandu jkun provdut f’intervalli regolari u bla ebda spiża għall-ħaddiema.
2. Il-kontenut tat-taħriġ għandu jkun jiftiehem faċilment mill-ħaddiema. Għandu jippermettilhom li jiksbu l-għerf u l-kapaċitajiet meħtieġa f’termini ta’ prevenzjoni u sigurtà, partikolarment fir-rigward ta’:
(a) il-proprjetajiet tal-asbestos u l-effetti tiegħu fuq is-saħħa, inkluż l-effett sinerġiku tat-tipjip;
(b) it-tipi ta’ prodotti u materjali li x’aktarx ikun fihom l-asbestos;
(c) l-operazzjonijiet li jistgħu jirriżultaw f’espożizzjoni għall-asbestos u l-importanza ta’ kontrolli preventivi biex tiġi minimizzata l-espożizzjoni;
(d) prattika ta’ xogħol bla perikolu, kontrolli u apparat protettiv;
(e) ir-rwol xieraq, l-għażla, l-għażla, is-selezzjoni, il-limitazzjonijiet u l-użu kif imiss ta’ apparat respiratorju;
(f) proċeduri ta’ emerġenza;
(g) proċeduri ta’ dekontaminazzjoni;
(h) rimi tal-iskart;
(i) ħtiġiet ta’ eżami mediku.
3. Linji gwida prattiċi għat-taħriġ ta’ ħaddiema li jneħħu l-asbestos għandhom ikunu żviluppati fil-livell tal-Komunità.
Artikolu 15
Qabel ma jitwettaq xogħol ta’ twaqqigħ jew tneħħija ta’ asbestos, id-ditti għandhom jipprovdu evidenza tal-abbiltà tagħhom f’dan il-qasam. L-evidenza għandha tiġi stabbilita skont il-liġijiet u/jew prattika nazzjonali.
Artikolu 16
1. Fir-rigward tal-attivitajiet kollha msemmija fl-Artikolu 3(1), u bla ħsara għall-Artikolu 3(3), għandhom jittieħdu l-miżuri xierqa biex jiżguraw li:
(a) il-postijiet fejn isiru l-attivitajiet msemmija aktar ‘il fuq għandhom:
(i) ikunu mmarkati b’mod ċar u indikati b’sinjali ta’ twissija;
(ii) ma jkunux aċċessibbli għall-ħaddiema ħlief għal dawk li għandhom bżonn jidħlu fihom minħabba x-xogħol jew id-dmirijiet tagħhom;
(iii) ikunu żoni fejn ma jkunx permess tipjip;
(b) jitwarrbu żoni fejn il-ħaddiema jistgħu jieklu u jixorbu mingħajr ir-riskju ta’ tniġġis mit-trab tal-asbestos;
(c) il-ħaddiema jiġu pprovduti b’ilbies tax-xogħol xieraq jew protettiv; dan l-ilbies tax-xogħol jew protettiv jibqa’ ġewwa l-impriża; iżda, jista’ jinħasel fi stabbilimenti barra l-impriza li huma mgħammra għal dan it-tip ta’ xogħol kemm-il darba l-impriża stess ma tagħmilx it-tindif; f’dak il-każ l-ilbies għandu jinġarr f’kontenituri magħluqa;
(d) jiġu pprovduti postijiet separati għaż-żamma tal-ilbies tax-xogħol jew protettiv u l-ilbies ta’ barra;
(e) il-ħaddiema jiġu pprovduti b’faċilitajiet xierqa għall-ħasil u twaletta, inklużi doċoċ fil-każ ta’ ħidmiet fit-trab;
(f) l-apparat protettiv jitqiegħed f’post definit tajjeb u jiġi kkontrollat u mnaddaf wara kull darba li jintuża u għandhom jittieħdu l-miżuri xierqa biex jissewwa jew jinbidel apparat difettuż qabel ma jerġa’ jintuża.
2. Il-ħaddiema ma jistgħux jiġu mġiegħla jħallsu għan-nefqa tal-miżuri meħuda skont il-paragrafu 1.
Artikolu 17
1. Fil-każ tal-attivitajiet imsemmija fl-Artikolu 3(1), għandhom jittieħdu l-miżuri xierqa biex jiżguraw li l-ħaddiema u r-rappreżentanti tagħhom fl-impriża jew fl-istabbiliment jirċievu informazzjoni xierqa dwar:
(a) ir-riskji potenzjali għas-saħħa meta jiġu esposti għat-trab li jiġi mill-asbestos jew minn materjali li jkun fihom l-asbestos;
(b) l-eżistenza ta’ limiti statutorji u l-ħtieġa li l-arja tkun immonitorjata;
(c) il-kondizzjonijiet ta’ iġjene mitluba, inkluża l-ħtieġa li ma jsirx tipjip;
(d) il-prekawzjonijiet li għandhom jittieħdu f’dak li għandu x’jaqsam mal-ilbies u l-użu ta’ apparat u ilbies protettivi;
(e) il-prekawzjonijiet speċjali maħsuba biex inaqqsu kemm jista’ jkun il-livell ta’ espożizzjoni għall-asbestos.
2. Barra mill-miżuri msemmija fil-paragrafu 1, u bla ħsara għall-Artikolu 3(3), għandhom jittieħdu miżuri xierqa li jiżguraw li:
(a) il-ħaddiema u/jew ir-rappreżentanti tagħhom fl-impriża jew fl-istabbiliment ikollhom aċċess għar-riżultati tat-tkejjil tal-konċentrazzjoni tal-asbestos fl-arja u jistgħu jingħataw tifsiriet ta’ xi jfissru dawk ir-riżultati;
(b) jekk ir-riżultati jeċċedu l-limitu preskritt fl-Artikolu 8 il-ħaddiema konċernati u r-rappreżentanti tagħhom fl-impriża jew stabbiliment ikunu informati kemm jista’ jkun malajr bil-fatt u bir-raġunijiet għal dan u l-ħaddiema u/jew ir-rappreżentanti tagħhom fl-impriża jew stabbiliment ikunu konsultati dwar il-miżuri li għandhom jittieħdu jew, f’emerġenza, jiġi infurmati bil-miżuri li jkunu ttieħdu.
Artikolu 18
1. Bla ħsara għall-Artikolu 3(3) għandhom jittieħdu l-miżuri mniżżla fil-paragrafi 2 sa 5:
2. Għandha tkun disponibbli valutazzjoni tal-istat tas-saħħa ta’ kull ħaddiem qabel ma jibda jkun espost għat-trab li jiġi mill-asbestos jew minn materjali li jkun fihom l-asbestos fuq il-post tax-xogħol.
Dik il-valutazzjoni għandha tinkludi eżami speċifiku tas-sider. L-Anness I jagħti rakkomandazzjonijiet prattiċi li l-Istati Membri jistgħu jirreferu għalihom għas-sorveljanza klinika tal-ħaddiema. Il-Kummissjoni għandha s-setgħa li tadotta atti delegati f’konformità mal-Artikolu 18a li jemendaw l-Anness I, sabiex jiġi adattat għall-progress tekniku.
Fejn, f’każijiet debitament ġustifikati u eċċezzjonali li jinvolvu riskji imminenti, diretti u serji għas-saħħa u s-sikurezza fiżiċi tal-ħaddiema u ta’ persuni oħra, raġunijiet imperattivi ta’ urġenza jeħtieġu azzjoni f’perijodu qasir ħafna ta’ żmien, il-proċedura prevista fl-Artikolu 18b għandha tapplika għall-atti delegati adottati skont dan l-Artikolu.
Valutazzjoni ġdida għandha tkun disponibbli mill-anqas darba kull tliet snin sakemm tkompli l-espożizzjoni.
Għandu jiġi stabbilit rekord individwali tas-saħħa f’konformità mal-liġijiet u/jew il-prattiki nazzjonali għal kull ħaddiem imsemmi fl-ewwel subparagrafu.
3. Wara s-sorveljanza klinika msemmija fit-tieni sentenza tal-paragrafu 2, it-tabib jew l-awtorità responsabbli għas-sorveljanza medika tal-ħaddiema għandhom, skont il-liġijiet nazzjonali, jagħtu parir dwar il-miżuri individwali protettivi jew preventivi li għandhom eventwalment jittieħdu jew jistabbilixxu dawn il-miżuri.
Dawk il-miżuri jistgħu jinkludu, fejn huwa xieraq, it-tneħħija tal-ħaddiem ikkonċernat minn kwalunkwe espożizzjoni għat-trab ġej mill-asbestos jew mill-materjali li jkollhom l-asbestos.
4. Għandhom jingħataw lill-ħaddiema informazzjoni u pariri fir-rigward ta’ kull stima tas-saħħa tagħhom li jistgħu jgħaddu minnha wara t-tmiem tal-espożizzjoni.
It-tabib jew l-awtorità responsabbli għas-sorveljanza medika ta’ ħaddiema jistgħu jindikaw li s-sorveljanza medika għandha tkompli wara t-tmiem tal-espożizzjoni sakemm huma jqisu li dan ikun meħtieġ biex tiġi salvagwardjata s-saħħa tal-persuna kkonċernata.
Dik is-sorveljanza li tkompli għandha titwettaq skont il-liġijiet u/jew il-prattika nazzjonali.
5. Il-ħaddiem ikkonċernat jew min iħaddmu jista’ jitlob li l-istima msemmija fil-paragrafu 3 tiġi riveduta b’mod konformi mal-liġijiet nazzjonali.
Artikolu 18a
1. Is-setgħa ta’ adozzjoni ta’ atti delegati hija mogħtija lill-Kummissjoni suġġett għall-kondizzjonijiet stabbiliti f’dan l-Artikolu.
2. Il-Kummissjoni għandha tingħata s-setgħa li tadotta l-atti delegati msemmija fl-Artikolu 18(2) għal perijodu ta’ ħames snin mis-26 ta’ Lulju 2019. Il-Kummissjoni għandha tfassal rapport fir-rigward tad-delega tas-setgħa sa mhux aktar tard minn disa’ xhur qabel tmiem il-perijodu ta’ ħames snin. Id-delega tas-setgħat għandha tiġi estiża b’mod taċitu għal perijodi tal-istess tul, sakemm il-Parlament Ewropew jew il-Kunsill ma joġġezzjonax għal tali estensjoni mhux aktar tard minn tliet xhur qabel tmiem kull perijodu.
3. Id-delega tas-setgħa msemmija fl-Artikolu 18(2) tista’ tiġi rrevokata fi kwalunkwe ħin mill-Parlament Ewropew jew mill-Kunsill. Deċiżjoni li tirrevoka għandha ttemm id-delega ta’ setgħa speċifikata f’dik id-deċiżjoni. Għandha ssir effettiva fil-jum wara l-pubblikazzjoni tad-deċiżjoni f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea jew f’data aktar tard speċifikata fih. Hija ma għandhiex taffettwa l-validità ta’ kwalunkwe att delegat diġà fis-seħħ.
4. Qabel ma tadotta att delegat, il-Kummissjoni għandha tikkonsulta esperti nominati minn kull Stat Membru f’konformità mal-prinċipji stipulati fil-Ftehim Interistituzzjonali tat-13 ta’ April 2016 dwar it-Tfassil Aħjar tal-Liġijiet ( 4 ).
5. Hekk kif tadotta att delegat, il-Kummissjoni għandha tinnotifikah simultanjament lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill.
6. Att delegat adottat skont l-Artikolu 18(2) għandu jidħol fis-seħħ biss jekk ma tkun ġiet espressa l-ebda oġġezzjoni mill-Parlament Ewropew jew mill-Kunsill f’perijodu ta’ xahrejn min-notifika ta’ dak l-att lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill jew jekk, qabel l-iskadenza ta’ dak il-perijodu, il-Parlament Ewropew u l-Kunsill ikunu t-tnejn infurmaw lill-Kummissjoni li mhumiex ser joġġezzjonaw. Dak il-perijodu għandu jiġi estiż b’xahrejn fuq l-inizjattiva tal-Parlament Ewropew jew tal-Kunsill.
Artikolu 18b
1. L-atti delegati adottati skont dan l-Artikolu għandhom jidħlu fis-seħħ mingħajr dewmien u għandhom japplikaw sakemm ma tkun ġiet espressa l-ebda oġġezzjoni f’konformità mal-paragrafu 2. In-notifika ta’ att delegat lill-Parlament Ewropew u l-Kunsill għandha tagħti r-raġunijiet li għalihom tkun intużat il-proċedura ta’ urġenza.
2. Il-Parlament Ewropew jew il-Kunsill jista’ joġġezzjona għal att delegat f’konformità mal-proċedura msemmija fl-Artikolu 18a(6). F’dak il-każ, il-Kummissjoni għandha tħassar l-att immedjatament wara n-notifika tad-deċiżjoni ta’ oġġezzjoni mill-Parlament Ewropew jew mill-Kunsill.
Artikolu 19
1. Bla ħsara għall-Artikolu 3(3) għandhom jittieħdu l-miżuri msemmija fil-paragrafi 2, 3 u 4:
2. Min iħaddem irid idaħħal lill-ħaddiema li jkunu responsabbli li jwettqu l-attivitajiet imsemmija fl-Artikolu 3(1) f’reġistru, li jindika n-natura u d-dewmien tal-attività u l-livell tal-espożizzjoni tagħhom. It-tabib u/jew l-awtorità responsabbli għas-sorveljanza medika għandhom ikollhom aċċess għal dan ir-reġistru. Kull ħaddiem ikkonċernat għandu jkollu aċċess għar-riżultati fir-reġistru li għandhom x’jaqsmu miegħu personalment. Il-ħaddiema u/jew ir-rappreżentanti fl-impriża jew l-istabbiliment tagħhom għandhom jkollhom aċċess għall-informazzjoni anonima u kollettiva li jkun hemm fir-reġistru.
3. Ir-reġistru msemmi fil-paragrafu 2 u rekords mediċi msemmija fl-Artikolu 18 (2), ir-raba’ sentenza, għandhom jinżammu għal tal-anqas erbgħin sena wara t-tmiem tal-espożizzjoni, skont il-liġijiet u/jew il-prattika nazzjonali.
4. Id-dokumenti msemmija fil-paragrafu 3 għandhom jitqiegħdu għad-dispożizzjoni tal-awtorità responsabbli fil-każi fejn l-impriża ma tibqax bl-attivita’ tagħha, skont il-liġijiet u/jew il-prattika nazzjonali.
Artikolu 20
L-Istati Membri għandhom jipprovdu għal sanzjonijiet adegwati li jkunu applikabbli fil-każ ta’ ksur tal-liġijiet nazzjonali adottata bis-saħħa ta’ din id-Direttiva. Dawn is-sanzjonijiet għandhom ikunu effettivi, proporzjonati u disswassivi.
Artikolu 21
L-Istati Membri jridu jżommu reġistru tal-każijiet kollha magħrufa ta’ asbestożi u tal-mesoteljoma.
Artikolu 22
Kull ħames snin, l-Istati Membri għandhom jippreżentaw rapport lill-Kummissjoni dwar l-implimentazzjoni ta’ din id-Direttiva fil-forma ta’ Kapitolu speċifiku tar-rapport uniku previst fl-Artiklu 17(a)(1), (2) u (3) tad-Direttiva 89/391/KEE, li għandu jservi bħala bażi tal-evalwazzjoni li għandha ssir mill-Kummissjoni skont l-istess Artikolu 17(a)(4).
Artikolu 23
L-Istati Membri għandhom jgħaddu lill-Kummissjoni d-dispożizzjonijiet tal-liġi nazzjonali li jadottaw fil-qasam li jaqa’ taħt din id-Direttiva.
Artikolu 24
Id-Direttiva 83/477/KEE, kif emendata mid-Direttivi elenkati fl-Anness II, hija b’dan imħassra, bla ħsara għall-obbligi tal-Istati Membri rigward il-limiti ta’ żmien għat-traspożizzjoni fil-liġi nazzjonali tad-Direttivi elenkati fil-Parti B tal-Anness II.
Ir-referenzi għad-Direttiva mħassra għandhom jinftiehmu bħala referenzi għal din id-Direttiva u għandhom jinqraw skont it-tabella ta’ korrelazzjoni fl-Anness III.
Artikolu 25
Din id-Direttiva għandha tidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara l-pubblikazzjoni tagħha f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.
Artikolu 26
Din id-Direttiva hija indirizzata lill-Istati Membri.
ANNESS I
Rakkomandazzjonijiet prattiċi għall-monitoraġġ kliniku tal-ħaddiema previsti fl-Artikolu 18 (2), it-tieni sentenza
1. It-tagħrif kurrenti jindika li l-fatt li l-espożizzjoni għall-fibri ħielsa tal-asbestos jista’ jġib il-mard li ġej:
— asbestożi,
— mesoteljoma,
— karċinoma fil-bronki,
— karċinoma gastro-intestinali.
2. It-tabib u/jew l-awtorità responsabbli għas-sorveljanza medika tal-ħaddiema esposti għall-asbestos għandhom ikunu familjari mal-kondizzjonijiet jew ċirkostanzi li għalihom ikun espost kull ħaddiem.
3. L-eżami tas-saħħa tal-ħaddiema għandu jitwettaq skont il-prinċipji u l-prattika ta’ mediċina okkupazzjonali. Għandu jinkludi tal-anqas il-miżuri li ġejjin:
— iż-żamma ta’ records tal-istorja medika u okkupazzjonali tal-ħaddiem,
— intervista personali,
— eżami kliniku ġenerali, b’referenza partikolari għas-sider,
— testijiet tal-funzjoni tal-pulmun (volumi u rati tal-kurrent respiratorju).
It-tabib u/jew l-awtorità responsabbli għas-sorveljanza tas-saħħa għandu jiddeċiedi dwar aktar eżamijiet, bħal testijiet ta’ sputum cytology jew X-ray tas-sider jew tomodensitometry, fid-dawl tal-għerf dwar is-saħħa okkupazzjonali l-aktar reċenti disponibbli.
ANNESS II
PARTI A
Direttiva mħassra flimkien ma’ lista tal-emendi suċċessivi tagħha
(imsemmija fl-Artikolu 24)
Direttiva tal-Kunsill 83/477/KEE (ĠU L 263, 24.9.1983. p. 25) |
|
Direttiva tal-Kunsill 91/382/KEE (ĠU L 206, 29.7.1991, p. 16) |
|
Direttiva tal-Kunsill 98/24/KE (ĠU L 131, 5.5.1998, p. 11) |
l-Artikolu 13(2) tiegħu biss |
Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill 2003/18/KE (ĠU L 97, 15.4.2003, p. 48) |
|
Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill 2007/30/KE (ĠU L 165, 27.6.2007, p. 21) |
l-Artikolu 2(1)tiegħu biss |
PARTI B
Lista tal-limiti ta’ żmien għat-traspożizzjoni fil-liġi nazzjonali
(imsemmija fl-Artikolu 24)
Direttiva |
Limitu ta’ żmien għat-traspożizzjoni |
83/477/KEE |
fil-31 ta’ Diċembru 1986 (1) |
91/382/KEE |
fl-1 ta’ Jannar 1993 (2) |
98/24/KE |
fil-5 ta’ Mejju 2001. |
2003/18/KE |
fl-14 ta’ April 2006. |
2007/30/KE |
fil-31 ta’ Diċembru 2012. |
(1) Din id-data hija mibdula bid-data tal-31 ta’ Diċembru 1989 għal dak li għandu x’jaqsam ma’ attivitajiet ta’ tħaffir għall-asbestos. (2) Għal dak li għandu x’jaqsam mar-Repubblika Ellenika d-data ta’ limitu ta’ traspożizzjoni tad-Direttiva hija l-1 ta’ Jannar 1996. Iżda, id-data tat-trapożizzjoni tad-dispożizzjonijiet dwar tħaffir għall-asbestos hija l-1 ta’ Jannar 1996 għall-Istati Membri kollha u l-1 ta’ Jannar 1999 għar-Repubblika Ellenika. |
ANNESS III
Tabella Ta’ Korrelazzjoni
Direttiva 83/477/KEE |
Din id-Direttiva |
Artikolu 1(1) |
Artikolu 1(1) |
Artikolu 1(2) |
— |
Artikolu 1(3) |
Artikolu 1(2) |
Artikolu 2, l-ewwel sas-sitt inċiż |
Artikolu 2(a) sa (f) |
Artikolu 3(1) sa (3) |
Artikolu 3(1) sa (3) |
Artikolu 3(3)(a) |
Artikolu 3(4) |
Artikolu 3(4) |
Artikolu 3(5) |
Artikolu 4, kliem tal-bidu |
Artikolu 4(1) |
Artikolu 4(1) |
Artikolu 4(2) |
Artikolu 4(2) |
Artikolu 4(3) |
Artikolu 4(3) |
Artikolu 4(4) |
Artikolu 4(4) |
Artikolu 4(5) |
Artikolu 5 |
Artikolu 5 |
Artikolu 6, punti (1) sa (5) |
Artikolu 6, punti (a) sa (e) |
Artikoli 7 u 8 |
Artikoli 7 u 8 |
Artikolu 9(2) |
Artikolu 9 |
Artikolu 10 |
Artikolu 10 |
Artikolu 10(a) |
Artikolu 11 |
Artikolu 11(1) u (2) |
Artikolu 12, l-ewwel u t-tieni sentenza |
Artikolu 12(1) |
Artikolu 13(1) |
Artikolu 12(2), l-ewwel sentenza |
Artikolu 13(2), l-ewwel sentenza |
Artikolu 12(2), it-tieni sentenza, l-ewwel inċiż |
Artikolu 13(2), it-tieni sentenza, punt (a) |
Artikolu 12(2), it-tieni sentenza, it-tieni inċiż |
Artikolu 13(2), it-tieni sentenza, punt (b) |
Artikolu 12(2), it-tieni sentenza, it-tielet inċiż |
Artikolu 13(2), it-tieni sentenza, punt (c) |
Artikolu 12(2), it-tielet sentenza, l-ewwel inċiż |
Artikolu 13(2), it-tielet sentenza, punt (a) |
Artikolu 12(2), it-tielet sentenza, it-tieni inċiż |
Artikolu 13(2), it-tielet sentenza, punt (b) |
Artikolu 12(2), it-tielet sentenza, it-tielet inċiż |
Artikolu 13(2), it-tielet sentenza, punt (c) |
Artikolu 12(2), it-tielet sentenza, ir-raba’ inċiż |
Artikolu 13(2), it-tielet sentenza, punt (d) |
Artikolu 12(2), it-tielet sentenza, ir-raba’ inċiż, l-ewwel sub inċiż |
Artikolu 13(2), it-tielet sentenza, punt (d)(i) |
Artikolu 12(2), it-tielet sentenza, ir-raba’ inċiż, it-tieni sub inċiż |
Artikolu 13(2), it-tielet sentenza, punt (d)(ii) |
Artikolu 12(3) |
Artikolu 13(3) |
Artikolu 12a |
Artikolu 14 |
Artikolu 12b |
Artikolu 15 |
Artikolu 13(1)(a) |
Artikolu 16(1)(a) |
Artikolu 13(1)(b) |
Artikolu 16(1)(b) |
Artikolu 13(1)(c)(i) u (ii) |
Artikolu 16(1)(c) |
Artikolu 13(1)(c)(iii) |
Artikolu 16(1)(d) |
Artikolu 13(1)(c)(iv) |
Artikolu 16(1)(e) |
Artikolu 13(1)(c)(v) |
Artikolu 16(1)(f) |
Artikolu 13(2) |
Artikolu 16(2) |
Artikolu 14(1), kliem tal-bidu |
Artikolu 17(1), kliem tal-bidu |
Artikolu 14(1), l-ewwel sal-ħames inċiżi |
Artikolu 17(1)(a) sa (e) |
Artikolu 14(2) |
Artikolu 17(2) |
Artikolu 15, kliem tal-bidu |
Artikolu 18(1) |
Artikolu 15, punti (1) sa (4) |
Artikolu 18 (2) sa (5) |
Artikolu 16, kliem tal-bidu |
Artikolu 19(1) |
Artikolu 16, punti (1) sa (3) |
Artikolu 19(2) sa (4) |
Artikolu 16a |
Artikolu 20 |
Artikolu 17 |
Artikolu 21 |
Artikolu 17a |
Artikolu 22 |
Artikolu 18(1) |
— |
Artikolu 18(2) |
Artikolu 23 |
— |
Artikolu 24 |
— |
Artikolu 25 |
Artikolu 19 |
Artikolu 26 |
Anness II |
Anness I |
— |
Anness II |
— |
Anness III |
( 1 ) Numru fir-reġistru tas-Servizz Kimiku Astratt (CAS).
( 2 ) ĠU L 377, 31.12.1991, p. 20.
( 3 ) Stabbiliment ta’ konċentrazzjonijiet ta’ fibri li jinġarru fl-arja. Metodu rakkomandat, permezz ta’ phase-contrast optical microscopy (metodu membrane filter), WHO, Geneva 1997, ISBN 92-4-154496-1.
( 4 ) ĠU L 123, 12.5.2016, p. 1.