[go: up one dir, main page]

30.1.2013   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 28/12


DEĊIŻJONI TA’ IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUMMISSJONI

tad-19 ta’ Diċembru 2012

skont id-Direttiva 95/46/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar il-protezzjoni adegwata tad-dejta personali min-New Zealand

(notifikata bid-dokument numru C(2012) 9557)

(Test b’relevanza għaż-ŻEE)

(2013/65/UE)

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidrat id-Direttiva 95/46/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-24 ta' Ottubru 1995 dwar il-protezzjoni ta' individwi fir-rigward tal-ipproċessar ta' dejta personali u dwar il-moviment liberu ta' dik id-dejta (1), u b'mod partikolari l-Artikolu 25(6) tagħha,

Wara li kkonsultat mal-Kontrollur Ewropew għall-Protezzjoni tad-Dejta

Billi:

(1)

Skont id-Direttiva 95/46/KE, l-Istati Membri huma mitluba jipprevedu li t-trasferiment ta’ dejta personali lejn pajjiż terz jista’ jsir biss jekk il-pajjiż terz ikkonċernat jiżgura livell adegwat ta’ protezzjoni kif ukoll jekk ikun hemm konformità mal-liġijiet tal-Istati Membri li jimplimentaw dispożizzjonijiet oħrajn tad-Direttiva qabel ma jsir it-trasferiment.

(2)

Il-Kummissjoni tista’ tirrimarka li pajjiż terz jiżgura livell adegwat ta’ protezzjoni. F’dan il-każ, id-dejta personali tista’ tiġi ttrasferita mill-Istati Membri mingħajr ma jkunu meħtieġa garanziji addizzjonali.

(3)

Skont id-Direttiva 95/46/KE, il-livell ta’ protezzjoni tad-dejta għandu jkun evalwat fid-dawl taċ-ċirkustanzi kollha li jikkonċernaw operazzjoni ta’ trasferiment ta’ dejta jew sett ta’ operazzjonijiet ta’ trasferiment ta’ dejta filwaqt li tingħata attenzjoni partikolari għal ċerti elementi speċifiċi relevanti għat-trasferiment.

(4)

Minħabba d-diversi metodi li pajjiżi terzi jużaw fir-rigward tal-protezzjoni tad-dejta, għandha titwettaq valutazzjoni tal-adegwatezza, u kwalunkwe deċiżjoni bbażata fuq id-Direttiva 95/46/KE għandha ssir u tkun infurzata b'tali mod li ma tinħoloqx diskriminazzjoni arbitrarja jew mingħajr ġustifikazzjoni kontra jew bejn pajjiżi terzi li fihom ikun hemm kundizzjonijiet simili, u li ma sservix ta' ostaklu moħbi għall-kummerċ, filwaqt li tingħata kunsiderazzjoni għall-impenji internazzjonali attwali tal-Unjoni.

(5)

In-New Zealand kienet kolonja Brittanika. Din saret Dominju indipendenti fl-1907, iżda sal-1947 kienet għadha ma qatgħetx formalment ir-rabtiet kostituzzjonali tagħha minn mal-Gran Brittanja. In-New Zealand hija stat unitarju u ma għandhiex kostituzzjoni bil-miktub fis-sens konvenzjonali ta’ dokument ikkodifikat vinkolanti. Il-pajjiż huwa monarkija kostituzzjonali u għandu demokrazija parlamentari fuq il-mudell ta’ Westminster, bir-Reġina ta’ New Zealand bħala l-Kap tal-Istat.

(6)

In-New Zealand topera fuq il-prinċipju ta’ sovranità Parlamentari. Madankollu, konvenzjonalment hemm għadd ta’ Statuti li huma ta' importanza kostituzzjonali partikolari u huma meqjusa bħala “liġi ogħla”. Dan ifisser li huma jifformaw parti mill-isfond jew mix-xenarju kostituzzjonali billi jinfluwenzaw il-prattika tal-gvern u l-adozzjoni ta’ leġiżlazzjoni oħra. Barra minn hekk, kunsens politiku minn kull naħa jkun mistenni fil-każ ta’ emendi jew jekk titħassar din il-leġiżlazzjoni. Bosta minn dawn l-Istatuti – l-Att tat-28 ta’ Awwissu 1990 dwar il-Karta tad-Drittijiet Fundamentali (l-Att Pubbliku Nru 109 tal-1990), l-Att tal-10 ta’ Awwissu 1993 dwar id-Drittijiet Fundamentali (l-Att Pubbliku Nru 82 tal-1993), u l-Att tas-17 ta’ Mejju 1993 dwar il-Privatezza (l-Att Pubbliku Nru 28 tal-1993) - huma rilevanti għall-protezzjoni tad-dejta. L-importanza kostituzzjonali ta’ din il-leġiżlazzjoni hija riflessa mill-konvenzjoni li din għandha tiġi meqjusa meta tkun qed tiġi żviluppata jew inkella proposta leġiżlazzjoni ġdida.

(7)

L-istandards legali għall-protezzjoni tad-dejta personali fin-New Zealand huma primarjament stipulati fl-Att dwar il-Privatezza, kif emendat mill-Att Emendatorju (Informazzjoni Transkonfinali) tas-7 ta’ Settembru 2010 dwar il-Privatezza (l-Att Pubbliku Nru 113 tal-2010). Huwa kien jeżisti qabel id-Direttiva 95/46/KE, u mhuwiex limitat għad-dejta pproċessata awtomatikament jew għad-dejta strutturata f'sistema ta' arkivjar, iżda jkopri l-informazzjoni personali kollha f'kull għamla jew forma. Ikopri lis-setturi pubbliċi u privati kollha, bi ftit eċċezzjonijiet speċifiċi ta’ interess pubbliku, li wieħed jistenna f'soċjetà demokratika.

(8)

Hemm għadd ta’ oqfsa regolatorji fin-New Zealand li jittrattaw kwistjonijiet dwar il-privatezza f’termini ta’ politika, regoli, jew ġurisdizzjonijiet għall-ilmenti. Xi wħud huma statutorji, filwaqt li oħrajn huma korpi industrijali awtoregolatorji, inklużi r-regolamentazzjoni tal-midja, il-kummerċjalizzazzjoni diretta, il-messaġġi elettroniċi mhux mitluba, ir-riċerka dwar is-suq, is-saħħa u d-diżabbiltà, il-banek u l-assigurazzjoni u t-tfaddil.

(9)

Barra mil-leġiżlazzjoni adottata mill-Parlament tan-New Zealand, teżisti ġabra konsiderevoli ta’ liġi komuni li l-għeruq tagħha ġejjin mil-liġi komuni Ingliża, li tinkorpora l-prinċipji u r-regoli tal-liġi komuni li huma relevanti għall-protezzjoni tad-dejta. Fost il-prinċipji fundamentali tal-liġi komuni hemm il-prinċipju li d-dinjità tal-individwu hija ta’ importanza fundamentali għal-liġi. Dan il-prinċipju tal-liġi komuni huwa element ewlieni fil-kuntest sottostanti tat-teħid tad-deċiżjonijiet ġudizzjarji fin-New Zealand. Il-ġurisprudenza tan-New Zealand bbażata fuq il-liġi komuni fiha wkoll għadd ta’ aspetti oħrajn dwar il-privatezza li jinkludu, l-invażjoni ta’ privatezza, il-ksur ta’ fiduċja u l-protezzjoni inċidentali fil-kuntest ta’ malafama, l-inkonvenjenza, il-fastidju, il-falsità doluża, in-negliġenza u oħrajn.

(10)

L-istandards legali dwar il-protezzjoni tad-dejta applikabbli fin-New Zealand ikopru l-prinċipji bażiċi kollha neċessarji biex ikun hemm livell adegwat ta' protezzjoni għall-persuni fiżiċi, u jagħmlu wkoll xi eċċezzjonijiet u limitazzjonijiet sabiex jipproteġu l-interessi pubbliċi importanti. Dawn l-istandards legali dwar il-protezzjoni tad-dejta u l-eċċezzjonijiet jirriflettu l-prinċipji stipulati fid-Direttiva 95/46/KE.

(11)

L-applikazzjoni tal-istandards legali dwar il-protezzjoni tad-dejta hija ggarantita permezz ta’ rimedji amministrattivi u ġudizzjarji, u permezz ta’ sorveljanza indipendenti mwettqa mill-awtorità ta’ sorveljanza, il-Kummissarju għall-Privatezza, li huwa mogħni bit-tip ta’ setgħat stabbiliti fl-Artikolu 28 tad-Direttiva 95/46/KE, u li jaġixxi indipendentement. Barra minn hekk, kwalunkwe parti interessata għandha d-dritt li titlob rimedju ġudizzjarju biex tiġi kkumpensata għal ħsarat imġarrba bħala riżultat tal-ipproċessar tad-dejta personali tagħha li ma jkunx sar skont il-liġi.

(12)

Għalhekk in-New Zealand għandha titqies li tipprovdi livell adegwat ta’ protezzjoni għal dejta personali kif imsemmi fid-Direttiva 95/46/KE.

(13)

Din id-Deċiżjoni għandha tikkonċerna l-adegwatezza tal-protezzjoni mogħtija fin-New Zealand, bl-għan li jiġu ssodisfati r-rekwiżiti tal-Artikolu 25(1) tad-Direttiva 95/46/KE. M’għandhiex taffettwa kundizzjonijiet jew restrizzjonijiet oħra li jimplimentaw dispożizzjonijiet oħrajn tad-Direttiva li jirrigwardaw l-ipproċessar ta' dejta personali fl-Istati Membri.

(14)

Fl-interess tat-trasparenza u sabiex tiġi mħarsa l-abilità tal-awtoritajiet kompetenti fl-Istati Membri li jiżguraw il-protezzjoni tal-individwi fejn jidħol l-ipproċessar tad-dejta personali tagħhom, huwa neċessarju li jiġu speċifikati ċ-ċirkustanzi eċċezzjonali fejn tista’ tkun ġustifikata s-sospensjoni ta’ flussi speċifiċi ta’ dejta, minkejja li jinstab li jkun hemm protezzjoni adegwata.

(15)

Il-Grupp ta’ Ħidma dwar il-protezzjoni ta’ individwi fir-rigward tal-ipproċessar tad-dejta personali, imwaqqaf skont l-Artikolu 29 tad-Direttiva 95/46/KE, ta opinjoni favorevoli dwar il-livell ta’ adegwatezza fir-rigward tal-protezzjoni ta’ dejta personali fin-New Zealand (2), li ġiet ikkunsidrata fit-tħejjija ta’ din id-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni.

(16)

Il-miżuri stipulati minn din id-Deċiżjoni huma f'konformità mal-opinjoni tal-Kumitat imwaqqaf skont l-Artikolu 31(1) tad-Direttiva 95/46/KE,

ADOTTAT DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

1.   Għall-għanijiet tal-Artikolu 25(2) tad-Direttiva 95/46/KE, in-New Zealand hija meqjusa li tipprovdi livell adegwat ta’ protezzjoni għad-dejta personali ttrasferita mill-Unjoni Ewropea.

2.   L-awtorità ta’ sorveljanza kompetenti għall-applikazzjoni tal-istandards legali dwar il-protezzjoni tad-dejta fin-New Zealand hija msemmija fl-Anness ta’ ma’ din id-Deċiżjoni.

Artikolu 2

1.   Mingħajr ħsara għas-setgħat tagħhom li jieħdu azzjoni sabiex jiżguraw konformità mad-dispożizzjonijiet nazzjonali adottati skont dispożizzjonijiet oħrajn barra l-Artikolu 25 tad-Direttiva 95/46/KE, l-awtoritajiet kompetenti fl-Istati Membri jistgħu jeżerċitaw is-setgħat eżistenti tagħhom li jissospendu l-flussi ta’ dejta lil riċevitur fin-New Zealand sabiex jiġu protetti l-individwi fejn jidħol l-ipproċessar tad-dejta personali tagħhom fil-każijiet segwenti:

(a)

fejn awtorità kompetenti fin-New Zealand tkun ikkonkludiet illi r-riċevitur ma jikkonformax mal-istandards applikabbli tal-protezzjoni; jew

(b)

fejn hemm il-probabbiltà sostanzjali li l-istandards tal-protezzjoni qed jiġu miksura, li hemm raġunijiet biżżejjed biex wieħed jemmen illi l-awtorità kompetenti tan-New Zealand mhux qed tieħu, jew ma tridx tieħdu l-passi neċessarji u f'waqthom sabiex issolvi l-każ ikkonċernat; li t-tkomplija tat-trasferiment toħloq periklu imminenti ta’ ħsara kbira lis-suġġetti tad-dejta, u li l-awtoritajiet kompetenti fl-Istati Membri għamlu dak kollu li hu xieraq fiċ-ċirkustanzi sabiex jinnotifikaw lill-parti responsabbli għall-ipproċessar fin-New Zealand u li tawha ċ-ċans li tirrispondi.

2.   Is-sospensjoni tieqaf hekk kif l-istandards ta’ protezzjoni jkunu assigurati u l-awtorità kompetenti tal-Istati Membri kkonċernati tkun innotifikata b’dan.

Artikolu 3

1.   L-Istati Membri jinfurmaw lill-Kummissjoni mingħajr l-ebda dewmien meta jiġu adottati miżuri msejsa fuq l-Artikolu 2.

2.   L-Istati Membri u l-Kummissjoni jinfurmaw lil xulxin bil-każijiet fejn l-azzjoni tal-korpi responsabbli li jiżguraw il-konformità mal-istandards ta' protezzjoni fin-New Zealand tonqos milli tiżgura din il-konformità.

3.   Meta l-informazzjoni miġbura skont l-Artikolu 2(1) u skont il-paragrafi 1 u 2 ta’ dan l-Artikolu tipprovdi xhieda li xi korp responsabbli milli jiżgura konformità mal-istandards tal-protezzjoni fin-New Zealand mhux qed jagħmel xogħlu b’mod effettiv, il-Kummissjoni tinforma lill-awtorità kompetenti tan-New Zealand u, jekk ikun neċessarju, tippreżenta abbozz ta’ miżuri konformi mal-proċedura msemmija fl-Artikolu 31(2) tad-Direttiva 95/46/KE, bil-għan li titħassar, jew li tiġi sospiża din id-Deċiżjoni, jew li jiġi limitat il-kamp ta’ applikazzjoni tagħha.

Artikolu 4

Il-Kummissjoni tissorvelja l-funzjonament ta' din id-Deċiżjoni u tirrapporta kwalunkwe sejba relevanti lill-Kumitat imwaqqaf skont l-Artikolu 31 tad-Direttiva 95/46/KE, inkluża kwalunkwe evidenza li tista' taffettwa l-konklużjoni fl-Artikolu 1 ta' din id-Deċiżjoni, li l-protezzjoni fin-New Zealand hija adegwata skont it-tifsira tal-Artikolu 25 tad-Direttiva 95/46/KE, u kwalunkwe evidenza li tindika li din id-Deċiżjoni tkun qed tiġi implimentata b'mod diskriminatorju.

Artikolu 5

L-Istati Membri jieħdu l-miżuri kollha meħtieġa biex jikkonformaw ma’ din id-Deċiżjoni sal-20 ta' Marzu 2013.

Artikolu 6

Din id-Deċiżjoni hija indirizzata lill-Istati Membri.

Magħmul fi Brussell, id-19 ta’ Diċembru 2012.

Għall-Kummissjoni

Viviane REDING

Viċi President


(1)  ĠU L 281, 23.11.1995, p. 31.

(2)  L-opinjoni 11/2011 bid-data tal-4 ta’ April 2011 dwar il-livell ta' protezzjoni tad-dejta personali fi New Zealand. Disponibbli fuq http://ec.europa.eu/justice/data-protection/article-29/documentation/opinion-recommendation/files/2011/wp182_mt.pdf


ANNESS

L-awtorità kompetenti ta’ sorveljanza msemmija fl-Artikolu 1(2) ta’ din id-Deċiżjoni:

Il-Kummissarju għall-Privatezza:

Te Mana Matapono Matatapu

Level 4

109-111 Featherston Street

Wellington 6143

New Zealand

Telefown: +64-4-474 7590

L-indirizz tal-posta elettronika: enquiries@privacy.org.nz

Websajt: http://privacy.org.nz/